Sunday, November 24, 2024

Ħames snin ħabs għal raġel li nstab ħati li abbuża mit-tifla tal-għarusa

Aqra wkoll

Raġel ġie kkundannat ħames snin ħabs, wara li tressaq il-Qorti u nstab ħati li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq tifla ta’ 16 -il sena, li kienet tiġi it-tifla tal-għarusa tiegħu.

Fil-Qorti, ġie spjegat kif il-każ imur lura għal Ġunju tal-2021. Fost ix-xhieda preżenti, xehdet il-kuġina ta’ omm it-tifla, li spjegat li darba h flimkien ma’ familtha ħarġu bid-dgħajsa u li t-tifla fetħet qalbha magħha u qaltilha li l-għarus ta’ ommha kien messha b’mod sesswali.

Kompliet tispjega li t-tifla qaltilha li minbarra messha, kien hemm drabi oħra, fejn biesha u li meta darba minnhom talabha sabiex tinżel fil-garaxx tiegħu, allegatament kien bagħbasha.

Spjegat kif kien hemm każ ieħor fejn l-akkużat kien qal lit-tifla bex tmur miegħu għand il-mekkanik, iżda minflok dan ħadha f’post imwarrab u mudlam, fejn allegatament beda jmissha b’mod sesswali.

L-istess xhud ikkonfermat li dakinhar li seħħ l-każ fuq id-dgħajsa, hija kienet hemm iżda fuq dgħajsa oħra fil-viċin. Qalet li tiftakar li t-tifla marret tistrieħ fid-dgħajsa għax kellha rasha tuġagħha u li fl-istess waqt kien hemm it-tfittxija għall-imputat hekk kif dan għeb.

Fix-xhieda tagħha, l-kuġina ta’ omm it-tifla kompliet tgħid kif minn dakinhar ‘l hawn it-tifla kwietat ħafna. Qalet li t-tifla u ommha baqgħu jgħxu mal-imputat u li l-istess imputat kien jgħidilhom biex lit-tifla ma jsemmulha xejn fuq il-każ biex forsi tinsieh.

Fil-Qorti, xehdet ukoll omm it-tifla, li spjegat li hija saret taf b’kollox mingħand l-istess kuġina u li kienet hemm meta seħħ l-allegat każ. L-omm spjegat li fil-bidu ma kinitx taf lil min se temmen, iżda imbagħad bdiet temmen lit-tifla għax l-imputat ma kienx iġibu lil binha imma lit-tifla iva.

Il-Qorti semgħet lit-tifla wkoll, li spjegat li l-allegat abbuż beda meta ommha welldet tarbija mingħand l-imputat. Qalet li beda jressaqha aktar qribu, ibagħbasha u jbusha u jeħodha fil-garaxx bi skuża biex tgħinnu. Xehdet li kien ibusha bi lsienu u jmissilha l-parti privata tagħha, bit-tifla tgħid li mhux l-ewwel darba li mbuttatu.

Spjegat li darba minnhom ħadha bil-karozza bi skuża li ried imur għand ħabib tiegħu u hemm ħadha f’post u taha sigarett u beda jbusha. Hawnhekk, żiedet tgħid li wara li biesha, qalilha biex ma tgħid xejn lill-ommha u wegħda li kien se jtiha l-ħaxixa.

Kompliet tgħid li beda jbusha u li qalilha li xi darba se jeħodha Gianpula u li se jkunu huma t-tnejn weħidhom. Qalet ukoll li darba kienet fil-kamra tal-banju u bexxaq il-bieb u beda jbusha iżda meta sema’ lil ommha waqaf u beda jkellimha fuq affarijiet oħra.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li mhux se tittratta l-imputat taħt l-akkuża ta’ korruzzjoni ta’ minoreni. Dan minħabba li omm it-tifla riedet tirrinunzja l-proċeduri.

Qalet li x-xhieda tal-minuri kienet dejjem konsistenti u tkellmet għax ma kinitx tiflaħ aktar l-aġir tiegħu.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha, il-Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni r-rinunzja ta’ omm il-minuri u x-xewqa tagħha li l-familja tibqa’ unita. Qalet li ħadet ukoll f’kunsiderazzjoni l-gravità tar-reat u li għandu wild oħra minuri li tinħtieġ tiġi protetta.

Minkejja li l-ewwel akkuża li kkorompa tifla taħt is-sittax-il sena ġiet eżawrita, il-Qorti sabitu ħati li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq it-tifla u kien għalhekk li ġie kkundannat ħames snin ħabs.

Sport