Ħames turisti Ingliżi tressqu l-Qorti t-Tieta akkużati b’pussess u traffikar ta’ droga, kif ukoll bl-użu illegali tal-hekk imsejjaħ “laughing gas”, waqt li kienu f’pajjiżna għal festival mużikali.
Huma kienu akkużati bi traffikar u bejgħ ta’ kokaina u ketamina, kif ukoll pussess tal-istess sustanzi u li ma obdewx l-ordnijiet tal-Pulizija. Fil-Qorti ġie spjegat li l-każ beda meta xi persuni li kienu għaddejjin minn Triq Dawret il-Ġżejjer, f’San Pawl il-Baħar, innutaw lill-irġiel bilqiegħda fuq ċint jużaw il-laughing gas.
Ingħad li waqt l-intervent tal-pulizija, ġew ikkonfiskati ħames ċilindri tal-“laughing gas” kif ukoll ammont ta’ ketamina. Imputat minnhom wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjbua kontrih, filwaqt li l-erba’ l-oħrajn li kienu miegħu ammettew l-akkużi kollha.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, imponiet multi li jvarjaw bejn €55 u €271 fuq l-imputati u ordnat ukoll il-konfiska tad-droga u tal-kanisters.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Nadia Ciappara f’isem l-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Bradley Grima, filwaqt li l-imputati kienu assistiti mill-Avukati Alexia Vassallo u Silvan Pulis.


