Dħalna fit-tieni ġimgħa tal-Kampanja Elettorali u bdejna naraw l-ewwel proposti mill-Manifesti Elettorali. Elezzjoni Ġenerali differenti minn dawk ta’ qabilha, anke jekk hija xi ħaġa naturali li jkun hekk. Dik attwali hija karaterizzata minn ċirkostanzi internazzjonali li l-impatt tagħhom tista’ tgħid ikun komuni għal kull pajjiż.
Huwa stat ta’ fatt li d-dinja għaddejja minn ċirkostanzi straordinarji. Koroh. B’riperkussjonijiet li jimpattaw l-ekonomiji. Impatt li aktar iva milli le jkollu konsegwenzi fuq il-ħajja ta’ kuljum. Impatt li joħloq problemi għall-popli. Għandek ċirkostanzi fejn l-impatt jinħass globalment, bħalma hija l-gwerra bejn l-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran. Għandek ċirkostanzi fejn l-impatt ikun aktar reġjonali anke jekk finalment jmiss l-isfera globali. Ċirkostanzi bħalma huma dawk maħluqa mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-kunflitt maħluq minn Iżrael fil-Lvant Nofsani partikolarment fil-Medda ta’ Gaża u fil-Libanu.
Ċirkostanzi li lil pajjiż bħal tagħna, gżira żgħira li tista’ tgħid tiddependi kważi kompletament mill-importazzjoni għall-ħajja ta’ kuljum, jolqtuh ukoll. Malta mhix f’bozza. Malta hija parti mill-kontinent Ewropew fejn żiffa fih tinħass qisha urugan f’pajjiżna. Aħseb u ara x’inħossu meta jkun hemm urugan. U kien hemm u hemm dan it-tip ta’ ċirkostanza.
Huwa f’ċirkostanzi bħal dawn li tmexxija ta’ pajjiż tgħaddi mis-siegħa tal-prova. Huwa f’ċirkostanzi bħal dawn li tkun taf jekk il-pajjiż ikunx “f’par idejn sodi”. L-istorja internazzjonali f’ċirkostanzi bħal dawn sabet lil pajjiżna taħt tmexxijiet differenti. Sa qabel Marzu 2013 kellna tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li ma’ l-ewwel burraxka kien pront pront għadda fuq spallet il-poplu l-piż kawżat.
Il-mod li tratta bih lill-poplu Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Dr Lawrence Gonzi meta kellna l-burraxka fuq il-prezzijiet taż-żejt jafu kulħadd. La darba l-prezz żdied minn barra allura dan ikollu jagħmel tajjeb għalih il-poplu. Imma mhux biss hekk. Mhux talli l-Gvern Nazzjonalista għolla l-prezz tal-petrol/diesel/gass għax kien żdied minn barra, imma b’żieda ma’ dan kien introduċa s-soprataxxa fuqhom. Konna nistennew sal-aħħar jum ta’ kull xahar biex il-Gvern jgħidilna x’kien se jkun l-effett fuq il-prezzijiet l-għada. Fil-bidu ta’ kull xahar. U meta l-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien għamlet mozzjoni fil-Parlament biex ma jiżdiedux il-prezzijijiet tal-enerġija l-eks-Prim Ministru Gonzi kien qalilna b’ħanġra daqshiex li kien se jivvota bil-qalb kontra dik il-mozzjoni.
Sitwazzjoni ta’ stabilità zero. Instabilità galore. Ir-riżultat ta’ tali sitwazzjoni kien li f’Marzu 2013 kellna aktar minn 8,000 Malti u Għawdxi jirreġistraw għax-xogħol.
Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat wara Marzu 2013 raħħas kif wiegħed il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’25%. Gvern Laburista ta’ dakinhar refa’ minn xagħru lill-poplu Malti u Għawdxi. Dak kien NIFS VERAMENT ĠDID lill-poplu, lill-pajjiż. Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat stabilizza lill-pajjiż. Ħoloq tama ġdida. Ta prova li dak li jwiegħed iwettqu. Dik kienet IS-SIEGĦA TAL-PROVA li minnha Joseph Muscat u l-Gvern Laburista mmexxi minnu ħarġu bl-unuri kollha.
Fl-istess żmien inħolqot ekonomija li kompliet tiffjorixxi sal-lum, kif finalment kellu jammetti anke l-istess Kap Nazzjonalista attwali, Alex Borg. Ekonomija li qalbet l-istorja ta’ taħt fuq. Minn waħda fejn il-ħaddiem jiġri wara x-xogħol għal waħda fejn ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiem. Għal sitwazzjoni fejn il-pajjiż kellu jirrikorri biex iġib ħaddiema barranin. Ekonomija li bniet reżiljenza.
Reżiljenza mibnija minn Gvernijiet Laburisti ta’ Joseph Muscat għal dawk ta’ Robert Abela. L-istorja ma jista’ jmeriha ħadd. IS-SIEGĦA TAL-PROVA għal Robert Abela kienet immedjata. Il-pandemija COVID-19 hija storja riċentissima. Pajjiżi u ekonomiji oħrajn litteralment tniżżlu għarkuptejhom. Gvern Laburista ta’ Robert Abela tratta tali sitwazzjoni mhux biss bħala sfida imma wkoll bħala opportunità. Flok ħalla s-suq isuq, kif riedet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Robert Abela qabad il-barri minn qrunu. Il-Gvern Laburista daħal hu għall-piż. Salva eluf ta’ impjiegi filwaqt li mal-Ewropa kollha l-qgħad sploda. Żamm ir-rota ddur biex malli s-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal issib lill-pajjiż lest, u mhux irid jibda mill-ġdid. Fil-fatt il-pajjiż kien preparat. Stat ta’ fatt li pajjiżna rpilja mill-effetti tal-pandemija COVID-19 ferm qabel kull pajjiż Ewropew ieħor. Alla illibera lil pajjiżna minn gwaj enormi meta Gvern Laburista ta’ Robert Abela ma ħax il-pariri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-poplu Malti u Għawdxi jaf jgħodd sal-għaxra ferm aktar milli jaħseb il-Partit Nazzjonalista. Jekk il-Partit Nazzjonalista mhux rikonoxxenti għall-mod kif Gvern Laburista ta’ Robert Abela kien ta’ tarka għall-poplu fi kriżi ta’ pandemija bħal dik mhux hekk kienet il-maġġoranza assoluta tal-poplu meta ssejħet Elezzjoni Ġenerali f’Marzu 2022. Elezzjoni Ġenerali li tat rebħa massiċċa lill-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela li kompla jibni fuq dak li wiret mingħand Gvern Labujrista mmexxi minn Joseph Muscat.
Malajr reġgħet ġiet SIEGĦA TAL-PROVA oħra għal Gvern Laburista ġdid immexxi minn Robert Abela. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna bil-konsegwenzi kollha tagħha. U għax bħal donnu dan ma kienx biżżejjed faqqgħet is-sitwazzjoni internazzjonali attwali bejn l-Istati Uniti konġunti ma’ Iżrael fuq naħa u l-Iran fuq in-naħa l-oħra. X’qed tfisser din l-attwalità INT tafu daqsi. Taf daqsi xi kriżijiet ħolqot, partikolarment fejn jidħlu prezzijiet tal-enerġija. Ħarsa lejn il-pajjiżi ta’ madwarna hija aktar minn biżżejjed.
U aħna? Gvern Laburista attwali ggarantixxa stabiltà fejn jidħlu prezzijiet tal-enerġija. Salva u qed isalva għal darb’oħra lin-negozji, lill-industriji u konsegwenzjalment lil eluf ta’ impjiegi. Gvern Laburista żamm f’posthom is-sussidji kontra l-parir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li sejħitilhom short lived u li mhux sostenibbli. Garanzija illi kieku qegħdin imexxu huma lil pajjiżna tali sussidji jwaqqfuhom, b’dak kollu li dan ikun ifisser.
Biex ikollok ħjiel ta’ x’ikun tfisser it-tneħħija ta’ dawn is-sussidji li trid tagħmel hu li tħares lejn il-kont tad-dawl tiegħek in-naħa t’isfel fuq il-lemin u hemmhekk issib x’sussidju qed tingħata l-familja tiegħek fuq il-kont tad-dawl u l-ilma. Huwa dan li jrid ineħħilek il-Partit Nazzjonalista.
Nhar is-Sibt, 30 ta’ Mejju l-għażla tkun f’idejk.


