Raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Għaxaq ġie mmultat €6,500 wara li nstab ħati li hedded xi uffiċjali tal-Pulizija u uffiċjal tal-LESA wara li kien involut f’inċident tat-traffiku, liema inċident seħħ sentejn ilu.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ imu lura għal 21 ta’ Marzu tal-2024 fi Triq in-Naxxar fl-Iklin, meta l-imputat kien involut f’ħabta bumper to bumper. Uffiċjal tal-LESA xehed li kif wasal fuq il-post, l-imputat minnufih talab li jsir breathalyser test lir-raġel l-ieħor li kien involut fl-inċident.
Huwa argumenta li l-persuna l-oħra kienet fis-sakra u “ma jiflaħx iżomm fuq saqajh”. Madankollu, l-uffiċjal innota li r-raġel ma kellux riħa ta’ alkoħol u li kien qed jimxi b’mod normali u għalhekk iddeċieda li t-test ma kienx meħtieġ.
Iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post iddeskrivew l-imġieba tal-imputat bħala waħda “ostili”.
Ix-xhieda spjegaw li l-imputat irrifjuta li jmexxi l-karozza tiegħu mit-triq sabiex din tkun tista tinfetaħ għat-traffiku sakemm isir it-test tal-alkoħol.
Matul il-konfrontazzjoni, l-imputat qal lill-Pulizija li se “jneżżagħlhom l-uniformi” u li se “jtajjarhom mill-korp”. Ġie spjegat kif f’mument minnhom l-imputata lis-Surġent qallu biex “ilesti ruħu għax se jispiċċa bla xogħol”.
L-uffiċjali fil-Qorti sostnew li l-imputat beda jidgħi u jgħajjat, anke fil-preżenza ta’ persuni oħra u li kawża ta’ dan kollu, kien hemm it-traffik qed jinġema’ fil-madwar. Il-vittma xehed li l-imputat kien “aggressiv ħafna,” tant li beda jsabbat fuq il-windscreen tal-vann.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnotat li l-akkużi ksur ta’ paċi pubblika b’għajat u li l-imputat m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija kienu preskritti skont il-liġi. Il-Qorti għalhekk sabet lill-imputat ħati li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza u li hedded lill-uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Maġistrat immultatu €6500 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-uffiċjali nvoluti fil-każ.


