Tuesday, April 16, 2024

Ħames vittmi ta’ vjolenza kuljum… bżonn li l-Qrati jirrikonoxxu t-tipi differenti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tisma’ t-tisbit, it-tkissir u l-għajjat. Tħoss weġgħa u f’daqqa waħda tfaqqa’ daqqa segwita minn ‘għajma’ jew bikja. Tara mara kwieta b’ħarsta mitlufa jew tisma’ raġel jibki jgħid li jrid itemm ħajtu jekk jibqa’ għaddej bil-ħajja mimlija abbuż fid-dar. Din hi r-realtà kerha immens, imma reali, tal-vjolenza domestika, abbuż li jsir fl-appartament ta’ ħdejna jew ta’ fuqna, fit-toroq, kif ukoll fost qraba u ħbieb… Iva. Il-vjolenza domestika teżisti u minkejja li ninsabu fis-seklu 21, din għadha tinżamm moħbija għax hemm ħafna li jibqgħu siekta u anke għall-fatt li dan is-suġġett, anke f’pajjiżna, għadu tabù.

Fortuntament, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar persuni qegħdin irabbu l-kuraġġ li joħorġu minn relazzjonijiet abbużi. Fil-fatt, parti sostanzjali tas-separazzjonijiet li jseħħu lokalment hija proprju minħabba f’hekk.

F’kampanja li għaddejja bħalissa biex tkun indirizzata l-problema serja tal-vjolenza domestika smajna li f’xahar qiegħed ikun hemm 142 rapporti lill-Pulizija. Statistika li hija verament inkwetanti. Dan ifisser li ta’ kuljum, li nafu bihom, hemm kważi ħames vittmi ta’ vjolenza domestika. Dan l-ammont huwa ta’ tħassib u wieħed jistaqsi kif u għala f’soċjetà li suppost hija moderna u ċċivilizzata għad hemm persuni li jagħżlu li jkunu predaturi ladarba r-raġunament tagħhom jieqaf u jsir wieħed ta’ natura abbużiva u vjolenti.

Ħames vittmi kuljum huwa ammont wisq. Nistaqsu. Għala dan qiegħed iseħħ u kif fil-ġurnata tal-lum għadu possibbli? Jingħad li hemm tollerenza zero imma għal xi raġuni din il-pjaga soċjali għadha tippersisti. U mhux talli tippersisti, talli tiżdied. Dan biex ma nsemmux tip ta’ vjolenza domestika li ma tidhirx u li sfortuntament, ma tingħatax l-attenzjoni xierqa mill-awtoritajiet b’mod speċjali fil-Qrati tagħna. 

Qegħdin nirreferu għall-vjolenza domestika li ssir f’forma psikoloġika u emozzjonali fejn b’tgħajjir u b’imġieba ta’ bla rispett jintużaw fil-konfront tal-vittmi li għalkemm ma jkollhomx ksur jew tbenġil viżibbli, isofru ħsara ferm aktar serja internament. Dan it-tip ta’ abbuż idum biex jgħaddi. Jekk vittma ta’ vjolenza fiżika għandha bżonn ta’ massimu ftit xhur biex iddewwi l-ġrieħi, vittma ta’ abbuż psikoloġiku trid bejn tliet u ħames snin biex tfieq mill-ħsara mentali li ssofri. Allura, l-abbuż domestiku emozzjonali u psikoloġiku mhux talli għandu jkun indirizzat daqs dak fiżiku, iżda ferm aktar.  

F’għajn il-liġi, min jagħmel reat huwa kkastigat u l-kastig għandu jservi ta’ detriment. Allura wieħed jistaqsi… fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, id-detriment minn id il-liġi huwa effettiv? Nistaqsu dan għax kieku d-deterrent huwa verament effettiv, wieħed jaħsibha darba darbtejn qabel jibda jfajjar b’idejh u b’ilsienu. Persuna li ssawwat u tgħajjar persuna oħra qiegħda tbati l-konsegwenzi li ħaqqha talli għamlet tant ħsara fiżika, emozzjonali u psikoloġika lill-vittma tagħha? Jew inkella, predatur jingħata xi multa jew joħroġ bi pleġġ u ejja ħa mmorru? 

Imbagħad miskina dik il-vittma li tibda tibża’ li se jerġa’ jsibha u jpatthielha talli rrapportatu. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu b’imwiet vjolenti, b’mod speċjali ta’ nisa, minħabba l-vjolenza domestika. Imma, fil-verità l-vittmi, l-ulied u l-qraba ħadu ġustizzja wara dawn id-delitti u hemm għalfejn persuna għandha tispiċċa taħt? 

Xi ngħidu imbagħad għal dawk il-vittmi li jkollhom tfal mill-predatur u minħabba aċċess iridu jibqgħu jiffaċċjawh u ħafna drabi jispiċċaw ikomplu jsofru aktar abbuż? Kif is-sistema preżenti tippermetti dan? Dan huwa każ ċar ta’ vittimizazzjoni doppja għal dawk li b’kuraġġ kbir joħorġu minn relazzjoni abbużiva. Ħasra li mbagħad, f’ċirkostanzi agħar, il-liġi timponilhom li jiffaċċjaw il-predatur minħabba t-tfal.

Aħna nemmnu li hemm bżonn ta’ liġijiet aktar ħorox fir-rigward, aġġornament tal-proċeduri fil-Qrati kif ukoll taħriġ adegwat lill-professjonisti kollha li jmissu ma’ familji bi problemi ta’ dan it-tip. Barra l-kastig legali fejn wieħed “jikkoreġi” l-att magħmul, nemmnu li hemm bżonn ta’ bidla fil-mentalità, prevenzjoni vera u mhux proċeduri u mili ta’ karti biss, kif ukoll ta’ kampanja edukattiva immirata direttament lill-ġenerazzjonijiet futuri ħalli t-tfal, meta jikbru, la jsiru predaturi u lanqas vittmi. Fil-fatt f’din id-direzzjoni hemm programm ġdid għall-istudenti “Safe Dates” li wieħed jirrikonoxxi li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Però, hemm bżonn ta’ aktar. Ħafna aktar!

L-azzjoni bil-fatti għandha tkun kemm b’ġustizzja xierqa, protezzjoni fit-tul u effettiva għall-vittmi, programmi ta’ rijabilitazzjoni ta’ min jabbuża li mhux biss iwassaluhom għal ċertifikat imma għal bidla vera fl-attitudni, kif ukoll fl-edukazzjoni fuq livell nazzjonali b’attenzjoni kbira lejn it-tfal u l-adoloxxenti biex forsi, ftit ta’ snin oħra, noħorġu mill-medju evu u f’pajjiżna ma jkunx hemm aktar każijiet ta’ vjolenza domestika.

Ekonomija

Sport