Monday, April 29, 2024

Kull tarbija għandha dritt tkun taf min hu missierha – Il-Qorti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Test tad-DNA hu ta’ benefiċċju għall-minuri għax kull tarbija għandha dritt tkun taf min hu missierha”. Dan iddikjaratu l-Qorti ta’ Għawdex f’sentenza li tat dwar kwistjoni sħiħa li tinvolvi l-minuri Maya Attard ta’ tmien snin. Kwistjoni li fiha ir-raġel ta’ omm il-minuri li llum hu separat minnha kien għamel talba biex ismu jitħassar minn fuq iċ-ċertifikat, kif fil-fatt sar u minflok l-isem tal-missier, tniżżel il-kliem “minn missier mhux magħruf”. Wara raġel ieħor kien għamel talba biex hu ikun rikonoxxut bħala missier it-tifla. Minn hawn ’il quddiem żviluppat kwistjoni sħiħa, fejn l-omm bdiet targumenta li test tad-DNA fuq it-tifla kien se tkun ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-minuri Maya Attard. L-omm kienet argumentat li kemm lilha kif ukoll lil bintha minuri kienet sejra ssirilhom ħsara reali, imminenti u rreparabbli fuq il-ħajja u l-persuna tagħhom jekk isir test tad-DNA. Il-Qorti m’aċċettatx dan.

Mis-sentenza joħroġ li l-minuri Maya Attard twieldet fil-25 ta’ Awwissu tas-sena 2012 waqt iż-żwieġ bejn Francis Saliba u Loraine Attard. Dakinhar l-Francis Saliba u Loraine Attard kienu diġà separati minn ma’ xulxin u fis-sena 2013 l-istess Francis Saliba fetaħ proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fejn huwa talab dikjarazzjoni li l-minuri Maya Attard mhijiex il-wild naturali tiegħu u konsegwentement talab ukoll it-tħassir ta’ ismu minn fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tal-istess minuri. 

Jirrriżulta li Loraine Attard ammettiet it-talbiet ta’ Francis Saliba f’dik il-kawża u b’konsegwenza ta’ dan, fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) laqgħet it-talbiet tiegħu. B’hekk ismu ġie mħassar minn fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ Maya Attard u għalhekk fil-kolonna f’dan iċ-ċertifikat li tirreferi għall-isem u l-kunjom tal-missier, fil-ġurnata preżenti hemm imniżżel il-kliem “missier mhux magħruf”.

Is-sentenza tgħid li “fil-5 ta’ Ġunju tas-sena 2019, Peter Vella fetaħ kawża fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kontra Loraine Attard u l-minuri Maya Attard fejn huwa allega li huwa kellu relazzjoni intima ma’ Loraine Attard li minnha twieldet l-imsemmija Maya Attard. Għalhekk huwa talab li jiġi dikjarat bħala l-missier naturali ta’ Maya Attard u kif ukoll talab li jsiru l-korrezzjonijiet neċessarji fiċ-ċertifikat tat-twelid ta’ Maya Attard biex jiġi rifless dan il-fatt. 

Peter Vella spjega li qabel ma fetaħ il-kawża huwa kien bagħat ittra uffiċjali magħmula lil Loraine Attard sabiex huwa jagħraf lil Maya Attard bħala bintu. Skont l-istess Peter Vella, Loraine Attard kienet irrispondiet għal din l-ittra billi aċċettat l-istat ta’ filjazzjoni tal-minuri kif allegat minnu. Madankollu, peress li fl-ittra li bagħat Peter Vella kien sar żball fin-numru tal-att tat-twelid ta’ Maya Attard, l-annotazzjoni fl-istess att ma setgħetx issir. Dan il-fatt ġie wkoll ikkonfermat mill-avukat difensur tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku waqt l-udjenza tas-7 ta’ Diċembru 2020.

Fuq talba ta’ Peter Vella il-Qorti tal-Maġistrati ħatret lill-Avukat Jean Paul Grech bħala kuratur biex jirrapreżenta l-interessi kollha tal-minuri Maya Attard fil-kawża ta’ filjazzjoni. Imbagħad permezz ta’ digriet sussegwenti mogħti fil-11 ta’ Settembru 2019, l-Avukat Jean Paul Grech ġie sostitwit mill-Avukat Mario Scerri fl-inkarigu tiegħu ta’ kuratur ad litem tal-minuri.

Fl-20 ta’ Ottubru tas-sena 2020 ingħatat sentenzja parzjali mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fejn din tal-aħħar ċaħdet l-ewwel eċċezzjoni ta’ Loraine Attard li l-kawża hija monka u nulla u ordnat li ssir il-korrezzjoni tan-nomenklatura ta’ dik l-istess Qorti kull fejn din kienet ġiet imniżżla ħażin. Ġara li fit-23 ta’ Novembru ingħatat sentenza parzjali oħra mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), din id-darba fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ Loraine Attard fejn din tal-aħħar eċċepiet li skont l-artikolu partikolari il-kawża ta’ filjazzjoni ma setgħetx tirnexxi peress li ma kinitx saret fit-terminu ta’ sitt xhur mit-twelid tal-minuri. Il-Qorti ċaħdet ukoll din l-eċċezzjoni peress li fil-fehma tagħha l-imsemmi terminu ta’ sitt xhur ma japplikax għall-każijiet imsemmija fl-artikolu 86 tal-Kapitolu 16, li fuqu ġiet imsejsa l-kawża ta’ filjazzjoni. 

Lejn l-aħħar tas-sena 2020, Loraine Attard talbet lill-Qorti tal-Maġistrati tawtorizzaha tressaq appell mis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2020. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet mogħti fil-11 ta’ Diċembru 2020. Wara l-avukat difensur ta’ Peter Vella talab lill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) taħtar espert biex jeleva l-kampjuni mingħand Peter Vella u Maya Attard biex isir it-test xjentifiku tad-DNA. Loraine Attard opponiet għal din il-ħatra permezz ta’ nota tal-24 ta’ Diċembru 2020 fejn hija saħqet li tali ħatra kienet se tkun leżiva tad-drittijiet fundamentali tagħha u tal-minuri Maya Attard. 

Intqal li bl-ordni tal-istess Qorti biex isiru t-testijiet xjentifiċi tad-DNA, kemm l-omm kif ukoll bintha minuri kienet se ssirilhom ħsara reali, imminenti u rreparabbli fuq il-ħajja u l-persuna tagħhom. Il-Qorti qalet li Loraine Attard baqgħet ma ġabet l-ebda prova bħal din u lanqas spjegat xi preġudizzju se jġarrbu hi u bintha minuri jekk eventwalment isiru t-testijiet tad-DNA. 

Intqal ukoll li jekk eventwalment jiġi ordnat, dan it-test sejjer isir biss fuq Maya Attard u Peter Vella u għalhekk l-omm ċertament ma tistax tallega li hija sejra ġġarrab xi ħsara fuq il-persuna tagħha. Barra minn hekk, dan it-test xjentifiku jinvolvi biss it-teħid ta’ kampjun tal-bżieq mingħand il-minuri Maya Attard u mingħand Peter Vella u għalhekk lanqas jista’ jingħad li b’dan sejra ssir xi ħsara rreparabbli fuq il-persuna u l-ħajja tal-minuri; 

Il-Qorti qalet li l-omm ma tat l-ebda ħjiel dwar kif l-eżami tad-DNA sejjer jippreġudika lilha jew lil bintha. Tgħid biss li se jikxef fatti personali li mhumiex rilevanti għal dawn il-proċeduri. Il-Qorti tgħid li l-omm ma tispjegax x’inhuma dawn il-fatti personali. Il-piż tal-prova ta’ din l-allegazzjoni taqa’ fuq spallejn ir-rikorrenti. Dan apparti li kull ma se jikxef it-test huwa l-perċentwali ta’ probabbilità li Peter Vella huwa missier bijoloġiku tat-tifla. Informazzjoni li Lorraine Attard diġà tat meta rrikonoxxiet li Peter Vella huwa missier il-minuri permezz tar-risposta tagħha għall-ittra uffiċjali li kien bagħtilha l-istess Peter Vella. 

Apparti dan, mhux talli t-test tad-DNA jilledi l-ħajja privata tal-minorenni, talli huwa ta’ benefiċċju għaliha, għax kull tarbija għandha dritt tkun taf min hu missierha, għal raġunijiet notorjament magħrufa ta’ identità, saħħa u drittijiet suċċessorji. 

Sport