Sunday, November 24, 2024

Ħames xhur ħabs għal Indoneżjan li ta b’sikkina lil raġel ieħor

Aqra wkoll

Raġel mill-Indoneżja ingħata sentenza ta’ ħames xhur ħabs wara li nstab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel ieħor minn pajjiżu stess waqt argument li seħħ bejniethom. Muhamad Topik Hidayat ta’ 32 sena, instab ħati li kkaġuna feriti gravi lill-vittma waqt li ż-żewġ irġiel kellhom battibekk vjolenti fl-appartament fejn huma kienu jgħixu.

Dan il-każ imur lura għat-28 ta’ Novembru tal-2021, fejn il-vittma tħalla b’diversi ġrieħi serji f’rasu. Il-Maġistrat Rachel Montebello, li ppresediet il-każ, semgħet diversi xhieda jirrakkuntaw dwar l-avvenimenti li wasslu għall-ġrieħi. Wieħed mix-xhieda semma li l-akkużat laqat lill-vittma b’sikkina darbtejn fuq in-naħa ta’ rasu.

Xhud ieħor qal li waqt l-argument bejn iż-żewġ irġiel, huwa pprova jikkalma lil imputat, filwaqt li l-vittma mar inaddaf id-demm li ħareġ kawża tad-daqqa ta’ sikkina li qala’ mingħand l-akkużat. Il-Qorti ġiet ippreżentata b’evidenza fejn ġie stabbilit li s-sikkina li instabet b’xafra imtebbgħa bid-demm, kienet l-istess waħda li ntużat minn Hidayat waqt l-argument li kellu mal-vittma.

Fil-Qorti, l-akkużat ammetta li qabad sikkina u biha ta d-daqqiet lill-vittma f’rasu. Fix-xhieda tiegħu, huwa sostna li huwa għamel li għamel minħabba li l-vittma kien attakkah b’furketta waqt l-argument.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset il-fatt li diversi xhieda qalu li l-imputat kien aggressiv minkejja li kien qed jiġi mrażżan mnn diversi irġiel. Il-Qorti kkonkludiet li r-reazzjoni ta’ Hidayat, li uża sikkina kbira li taqta’ ma’ ras il-vittma, kienet sproporzjonata u ma kinitx l-uniku mezz disponibbli biex jiddefendi ruħu minn aggressjoni potenzjali.

Għaldaqstant il-Qorti sabet lil Hidayat ħati ta’ ġrieħi fuq il-vittma u kkundannatu ħames xhur ħabs. Barra minn hekk, il-Qorti għamlet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma, li se tibqa’ fis-seħħ għal tliet snin. L-imputat ġie ordnat ukoll iħallas multa ta’ €405 fi spejjeż tal-qorti u €500 bħala kumpens lill-vittma.

Sport