Tuesday, May 14, 2024

“Ħasbu li se jaqbduna fuq sieq waħda, imma ilna li bdejna”

Aqra wkoll

Fl-ewwel diskors tiegħu f’din il-kampanja elettorali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-preparamenti tal-Partit bdew u ilhom li bdew. Żied jgħid li “ħasbuna li m’aħniex preparati u ħasbu li se jaqbduna fuq sieq waħda, iżda xhieda ta’ dan kienu l-ewwel sigħat tal-kampanja li aħna ħriġna mill-ewwel u intkom lqajtu l-istedina tagħna.”

Bernard Grech qal li quddiemu kellu wkoll Laburisti li jridu li jġibu l-bidla u hu qiegħed hemm biex iservi lill-poplu u jgħin f’din il-bidla.

Saħaq li l-ħolma tiegħu hija li jkollna pajjiż li jkun kburi u li jemmen f’niesu u fih innifsu u b’hekk jeħtieġ li titjieb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

“L-ewwel wegħda ċara, wegħda studjata f’din il-kampnaja elettorali li Gvern immexxi minni se jkun qed jalloka €1 biljun biex noħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda”, iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li f’dawn l-aħħar snin, l-aktar nies li ġew minn barra kienu dawk li ġew biex jinvestigawna bħalma kienu l-FATF, il-MoneyVal u uffiċjali barranin li ġew biex jinvestigaw.

Bernard Grech kompla biex jitkellem dwar il-bżonn ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Huwa qal li jinsab fiduċjuż li flimkien mal-poplu jista’ jilħaq dawn l-isfidi kollha u saħaq li mhuwiex minnu li l-politiċi kollha l-istess għax tal-Partit Nazzjonalista għandhom tim li qiegħed hemm biex iġib ’il quddiem lil pajjiżna.

Sport