Raġel li nstab ħati li wettaq attivitajiet sesswali ma’ tfajla ta’ 14-il sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin.
Il-każ jirrigwardja relazzjoni bejn l-imputat u l-allegata vittma fis-Sajf tal-2022, meta hija kien għad kellha biss 14-il sena.
Il-Qorti semgħet kif ir-relazzjoni ta’ bejniethom damet madwar erba’ xhur u r-raġel kellu aktar minn 18-il sena.
Il-pulizija bdiet tinvestiga wara rapport li kien sar fi Frar tal-2023 li jikkonċerna l-benesseri tat-tifla. Dan wara informazzjoni li hija allegatament kienet involuta f’attività sesswali ma’ numru ta’ rġiel. Sussegwentement kien identifikat l-imputat.
Waqt l-investigazzjoni, it-tifla identifikat lill-imputat bħala l-eks sieħeb tagħha. Hija qalet li kien seħħ att sesswali bejniethom u ddeskriviet ir-relazzjoni bħala waħda “konsenswali”.
Min-naħa tiegħu, l-imputat irrikonoxxa wkoll li kien jafha u li kien f’relazzjoni magħha, filwaqt li qal lill-investigaturi li dak kollu li seħħ bejniethom kien bil-kunsens tagħhom.
Meta aktar tard xehdet fil-Qorti, it-tfajla ma tatx xhieda sostanzjali kontra l-akkużat. Hija kkonfermat li kienet ħarġet miegħu, iżda qalet li ma setgħetx tiftakar aktar dettalji dwar dak li kien ġara.
Madanakollu, il-Qorti kkunsidrat l-istqarrija awdjo-viżiva li t-tfajla kienet tat qabel, flimkien mal-istqarrija tal-akkużat stess lill-pulizija, u sabitu ħati li wettaq attività sesswali ma’ persuna li kienet għadha ma għalqitx is-16-il sena.
Akkuża separata dwar ir-ripetizzjoni ta’ atti sesswali ma ġietx stabbilita. Il-Qorti osservat li filwaqt li l-provi kienu juru li seħħ att sesswali wieħed, ma ġiex stabbilit li tali atti seħħew ripetutament.
Meta ġiet biex tiddeċiedi dwar il-piena, il-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ, fosthom in-nuqqas ta’ provi ta’ vjolenza, il-fedina penali nadifa tal-akkużat, l-età żagħżugħa tiegħu, iċ-ċirkostanzi personali tiegħu u l-prospetti tiegħu ta’ riabilitazzjoni.
Il-Qorti qieset ukoll li l-akkużat ma kellux kundanni preċedenti u kkonkludiet li piena effettiva ta’ ħabs ma kinitx xierqa fiċ-ċirkostanzi, u minflok għażlet miżuri mmirati lejn ir-riabilitazzjoni tiegħu.
L-akkużat tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ordni ta’ trattament għal tliet snin. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal sentejn favur it-tfajla u l-familja tagħha.
Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €83.63 fi spejjeż tal-esperti.
Għall-imputat dehru l-Avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera.
Il-Maġistrat Franco Agius ippresieda l-każ.
