Id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, fil-ħarġa ta’ Settembru li għadha kemm kienet ippubblikata, qed issellem partikolarment erba’ persuni.
Dawn huma l-eks Viċi Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Publju fil-Furjana Dun Stefan Grech li kien nominat mill-Arċisqof bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, kif ukoll lill-ekx Arċipriet tal-Furjana Monsinjur Lawrenz Zammit, Norman Hamilton u Donald Wright, li t-tlieta mietu fix-xhur li għaddew.
Numru ta’ paġni fin-nofs ta’ din il-ħarġa ġdida tal-gazzetta Furjaniża, huma ddedikati lit-tmiem tas-servizz minn Dun Stefan Galea fil-Parroċċa ta’ San Publju fil-Furjana. Paġni li minbarra kitba estensiva dwar ħajjet u l-ħidma pastorali li wettaq dan ‘il-qassis tas-suttana’ f’parroċċi differenti, fihom ukoll numru ta’ ritratti interessanti.

Norman Hamilton, li kien wieħed mill-hekk imsejħa ‘Furjaniżi ta’ barra’, hu mfakkar bħala persuna li kienet kburija li hi Furjaniża. L-amministrazzjoni tal-gazzetta qalet li hi grata lejn il-kumpannija tal-ivvjaġġar li kellu dan ix-xandar veteran, li kemm-il darba rreklamat fil-gazzetta ‘IL-FURJANA’.
Feature b’laqta umana inkluż f’din il-ħarġa hu dak li jirrigwarda lil Donald Wright li miet f’nofs Mejju li għadda fl-età ta’ 91 sena. Il-kitba u r-ritratti ta’ magħha, jiffukaw fuq it-talent kbir li kellu dan l-artiġjan. Talent li sar magħruf mill-pubbliku in ġenerali permezz tal-mezzi soċjali (Facebook u Instagram) wara mewtu.
L-aħħar paġni ta’ din il-ħarġa huma ddedikati lill-avventura Ewropeja ta’ Floriana FC fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA – l-ewwel fiċ-Champions League u wara fil-Conference League – fil-bidu tal-istaġun 2026-2027. Saret ukoll referenza għall-appoġġ mogħti mill-partitarji kemm fil-partiti li ntlagħbu f’Malta, kif ukoll dawk li saru barra minn pajjiżna.
Minkejja li din il-ħarġa kienet fi triqitha biex tkun stampata meta ħarġet l-aħbar tal-mewt tal-eks Arċipriet tal-Furjana Monsinjur Lawrenz Zammit, xorta waħda tinkludi tislima żgħira ta’ dan il-qassis li għal tliet snin kien ir-ragħaj spiritwali tal-Parroċċa ta’ San Publju.
Feature ieħor interessanti hu dak dwar il-135 sena minn meta wasal fil-Furjana l-monument lill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Dan il-monument oriġinarjament kien fil-Gżira Manoel. Wara ttieħed fi Pjazz Teżorerija fil-belt kapitali. U fl-aħħar spiċċa l-Furjana, fejn ukoll biddel darb’oħra l-post fejn qiegħed.
Fil-ħarġa ta’ Settembru ta’ ‘IL-FURJANA’, minbarra l-Paġna tal-Kunsill Lokali, wieħed isib ukoll aħbarijiet li jirrigwardaw il-Furjana u l-Furjaniżi bħas-suċċess li kisbu l-koppja Matteo Cardona u Brenda Bartolo fil-qasam kulinarju, u l-ħajja ġdida għaz-zuntier tal-Knisja ta’ San Publju n-naħa ta’ Triq San Publju matul dan is-sajf li qed jintemm
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.
L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħlas nominali ta’ ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.
L-Amministrazzjoni tal-gazzetta Furjaniża fadlilha xi kopji tat-tliet kotba (wieħed dwar il-Furjana in ġenerali, ieħor dwar il-Knisja ta’ San Publju, u ieħor dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju li kien inqered bin-nar fl-2019) li kienet ippubblikat fl-aħħar snin. Id-dettalji msemmija hawn fuq jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jakkwista xi kopja.




