Saturday, December 21, 2024

“Ħebbejt għalih għax ħsibt li kien ix-xitan”

Aqra wkoll

Raġel bil-vizzju tad-droga, li allegatament ħebb għal sieħbu b’xabla wara li kien ilu sitt ijiem sħaħ jieħu l-kokaina, qal lill-pulizija li ħaseb li l-vittma kien “ix-xitan”.

Josef Grech ta’ 33 sena minn Bormla tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia mixli li s-Sibt li għadda, ħebb u darab b’mod gravi raġel ieħor fi Triq il-Madonna tal-Grazzja, f’Bormla stess. Huwa kien mixli wkoll li hedded lill-allegat vittma u li sar reċediv. 

L-Ispettur Paul Camilleri, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti kif raġel kien mar l-Għassa b’idu kollu dmija fejn irrapporta li sieħbu aggredih. Meta l-pulizija marru fuq il-post, sabu lill-imputat bilqiegħda barra r-residenza. 

Meta mistoqsi dwar l-inċident, l-imputat kien qal lill-pulizija li “beda jaħseb li kien ix-xitan” b’referenza għall-vittma. Irriżulta li ż-żewġt irġel kienu qed jieħdu d-droga kokaina flimkien meta f’ħin minnhom l-imputat “inbidel” u allegatament ħebb għal sieħbu b’xabla. 

Fil-Qorti ntqal ukoll li Grech allegatament kien ilu jikkunsma l-kokaina bejn sitta u sebat ijiem qabel seħħ il-każ. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, li sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li l-vittma, li għadu jissielet għal ħajtu fl-isptar, għad irid jixhed.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja taħt il-gwida ta’ uffiċjal tal-probation. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Franco Debono deher għal Grech. 

Ekonomija

Sport