Sunday, May 5, 2024

Il-Qorti ssib biżżejjed provi biex l-akkużat tal-qtil doppju fil-Marsa jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Aqra wkoll

Il-Qorti sabet biżżejjed provi sabiex ir-raġel akkużat bil-qtil doppju fil-Marsa f’Ottubru jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Iddrisu Faisal ta’ 34 sena, mill-Ghana, jinsab mixli bil-qtil ta’ Joseph Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra min-Niġerja fi stalel tal-Marsa proprjetà tal-vittmi , lura għall-15 ta’ Ottubru ta’ din is-sena.

Faisal jinsab akkużat ukoll li weġġa’ gravi lill-istess mara Niġerjana u li weġġa’ ħafif raġel ieħor Niġerjan, kif ukoll akkużi relatati ma’ reżistenza għall-arrest, ħsara fil-proprjetà privata, li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija u li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija.

F’digriet li ngħata t-Tnejn filgħodu il-Maġistrat Gabriella Vella ddikjarat li hemm biżżejjed raġunijiet biex Iddrisu Faisal jiġi akkużat. Il-Qorti nnutat li l-vittmi Niġerjani li sfaw aggrediti minn Faisal, it-tnejn li huma taw rakkonti simili, bil-mara tispjega li kienet qed tipprepara biex taħsel snienha, meta Faisal daħal fil-kamra tal-banju fejn kienet hi u taha daqqa ta’ bolt cutter f’rasha, f’wiċċha u f’dirgħajha.

Il-Qorti qalet li kkunsidrat ix-xhieda tal-vittmi tal-akkużat u bagħtet l-akkużi lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jiddeċiedi jekk għandux ipoġġi lil Faisal taħt att ta’ akkuża jew jekk hemmx bżonn li tinġabar aktar evidenza.

Il-Maġistrat Gabriella Vella qed tippresiedi l-każ. L-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri qed imexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden.

L-avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace qed jirrappreżentaw lill-akkużat.
L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Franco Debono qed jirrappreżentaw il-qraba tal-vittma.


Sport