Minn Cristian Muscat
Hibernians ikkonfermaw l-akkwist tal-midfielder ta’ 22 sena, Nathan Agius.
Prodott ta’ Mosta, Agius, li huwa player internazzjonali ta’ taħt il-21 sena, għamel id-debutt tiegħu fil-Malta Premier League fl-istaġun 2020/21.
Fil-jiem li għaddew, il-Pawlisti ħatru lil Tuğberk Tanrıvermiş bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom u ffirmaw ukoll lil Joseph Mbong.
Intant, dan is-sit tkellem ma’ Nathan innifsu fejn tana l-ewwel kummenti tiegħu rigward kif qed iħares lejn din l-esperjenza ġdida tiegħu ma’ Hibernians u anke xi kummenti rigward l-esperjenza issa passata tiegħu ma’ Mosta.
Fi kliemu: “Ninsab eċitat ħafna għal din l-opportunitá … Hibernians FC huwa klabb b’ambizzjoni kbira u ninsab grat tal-fiduċja li wrew fija. Issa rrid naħdem iebes, nintegra mat-tim u nagħmel l-almu tiegħi kollu biex ngħin lill-klabb ikollu staġun ta’ suċċess.”
“L-esperjenza tiegħi mal-Mosta kienet waħda importanti ħafna għall-iżvilupp tiegħi kemm bħala player kif ukoll bħala persuna. Tgħallimt ħafna minn kull kowċ li kelli kemm fin-Nursery kif ukoll mat-tim tal-kbar, minn sħabi tat-tim u mill-isfidi li ffaċċjajt matul l-istaġuni.”
“Irrid nirringrazzja lill-klabb u lil kulħadd hemmhekk tal-appoġġ li tawni. Issa qed niffoka fuq il-kapitlu l-ġdid tiegħi ma’ Hibernians u ninsab determinat li nkompli nikber u nagħti l-aħjar tiegħi.”

