Wednesday, March 27, 2024

Hibernians miżmuma u jfallu żewġ punti importanti

Aqra wkoll

Hibernians …….1

Sirens …………….1

Il-leaders Hibernians waq­qgħu żewġ punti mill-aktar importanti meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Sirens.

Għalhekk Hibs issa jinsabu sitt punti fuq Floriana u tmienja fuq Hamrun Spartans iżda dawn tal-aħħar iridu jirkupraw partita, dik kontra Birkirkara.

Iż-żewġ timijiet kellhom numru ta’ bidliet mill-aħħar ħarġiet tagħhom.

Il-goalkeeper, Matthew Calleja Cremona, beda minflok Ibrahim Kone li jinsab impenjat fit-Tazza tan-Naz­zjonijiet Afrikani mal-Gui­nea waqt li Erjon Beu beda mal-ewwel ħdax flimkien ma’ Matthew Ellul u Ayrton Attard hekk kif daħlu minflok Ferdinando Apap, Bjorn Kristensen u Thaylor Aldama.

Min-naħa l-oħra, Sirens kellhom lura lil Diego Albanese, Bogdan Gavrila, Alfred Effiong u Carlo Zammit Lonardelli li ħadu post  Antonio Blanco, Rei Tachikawa, Vitor Vieira u Degran Jackson.

Kienu Hibernians li marru fil-vantaġġ wara kwarta logħob meta minn cross ta’ Izquier, Zammit Lonardelli xellef il-ballun u JURGEN DEGABRIELE tefa’ ġewwa fil-baxx mill-viċin.

Żewġ minuti wara, Hibs reġgħu resqu viċin meta minn cross ta’ Beu, ix-xutt b’saħħtu ta’ Izquier ġie salvat b’diffikultá minn De­bono.

Fl-24 minuta, Sirens irrispondew b’xutt mill-viċin ta’ Reid li ġie mblukkat minn Calleja Cremona wara cross mix-xellug ta’ Walker.

Fit-33 minuta Ayrton Attard ittanta xortih b’xutt mill-bogħod li għadda ftit għoli biex minuta wara l-goalkeeper Debono ħareġ tajjeb biex jimblokka fuq Wilfried Domoraud li kien dieħel waħdu fil-kaxxa.

Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, De­gabriele għadda l-ballun lejn Grech iżda għal darb’oħra, il-goalkeeper ta’ Sirens ħareġ tajjeb f’tarf il-kaxxa u salva l-periklu.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians ħarġu tajjeb u fit-52 minuta reġgħu resqu viċin b’xutt angolat ta’ Izquier iżda ġie salvat minn Debono.

Sirens ippruvaw joħorġu mill-qoxra tagħhom peró sabuha diffiċli biex jinfdu id-difiża Pawlista sakemm fit-72 minuta, KEMAR REID bidel il-ballun mas-sostitut Degran Jackson meta għaddiehulu fuq il-lemin u mill-cross ta’ dan tal-aħħar, huwa tefa’ fix-xibka mill-viċin biex kiseb  id-draw għat-team minn San Pawl il-Baħar.

HIBERNIANS: 1-Matthew Calleja Cremona, 4-Leandro Almeida, 5-Matthew Ellul (13-Zachary Karl Grech 75), 7-Ayrton Attard (6-Raphael dos Anjos 75), 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele, 12-Dunstan Vella, 17-Erjon Beu, 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Artiles Izquier, 88-Wilfried Domoraud (19-Joseph Zerafa 84).  – Coach: Stefano Sanderra

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 7-Conor Borg, 9-Kemar Reid, 10-Bogdan Gavrila (31-Degran Jacksoin 68), 11-Alfred Effiong (23-Francis William Avoce 68), 14-Diego Albanese, 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 22-Alexander Cini, 30-Carlos Riascos.  – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Glenn Tonna

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Fyodor Zammit

SKORERS: J. Degabriele 15 (H); K. Reid 72 (S)

AMMONITI: G. Izquier, M. Ellul, E. Beu (H)

Ekonomija

Sport