Saturday, December 21, 2024

Ħidma Ġdida, Responsabbiltajiet Ġodda

Jikteb Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

ll-bidu ta’ din il-ġimgħa ġab miegħu bidu ta’ ħidma ġdida b’responsabilitajiet ġodda. Responsabilitajiet marbuta ma’ qasam differenti li l-Prim MInistru Robert Abela għoġbu jafdali.

Wara t-tibdli li seħħ fil-kabinett, se nkun qed inservi bħala Ministru għall-Artijiet u l-Implementazzjoni tal-Manifest Elettorali. Il-ħidma tiegħi se tkun qegħdha tiffoka prinċipalment fuq it-tisħiħ tal-Awtorita’ tal-Artijiet u proċessi marbuta mal-Joint Office u r-Reġistru tal-Artijiet.

Fl-ewwel jiem minn mindu bdejt il-ħidma tiegħi kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-ħaddiema tal-Awtorita’ tal-Artijiet u tar-Reġistru tal-Artijiet. Mal-uffiċċjali tkellimna dwar inizjattivi li qed jittieħdu flimkien ma’ ħidma oħra li jeħtieġ li titwettaq fiż-żmien li ġej.

Flimkien mal-Prim Ministru u l-kollegi fil-Kabinett se nkun qed inwettaq xogħol marbut mat-twettieq tal-Manifest Elettorali. Dan wkoll huwa xogħol impenjattiv u tant meħtieġ biex nassiguraw li nkomplu nsaħħu r-ritmu li bih qed inwettqu l-programm elettorali. Elf proposta ressaqna ‘l quddiem fl-elezzjoni ta’ Marzu 2022 li minnhom se nkunu qed inwettqu 1000 miżura għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.

Konvint li dan ix-xogħol marbut mal-manifest se jkun qed ilaqqani ma’ hafna minnkom ukoll. Irridu nkomplu nfissru id-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern immexxi minn Robert Abela kif wkoll il-mod kif dawn il-miżuri li huma mfassla fil-Manifest Elettorali qed iġibu titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.

Ħabta u sabta kelli nwaqqaf hidmieti meta l-Erbgħa filgħaxija dħalt b’urġenza l-isptar u kelli intervent kirurgiku wara attakk ta’ appendiċite. Kelli nbiddel il-pjani kollha li fassalt. Grazzi kbira lil dawk kollha li ħadu ħsiebi u lil dawk kollha li bagħtu l-awguri tagħhom għal fejqan ta’ malajr.

Inħares ‘l quddiem bil-ħerqa biex inkompli bil-hidma tiegħi u fuq kollox li nżidu l-kuntatt għal aktar ħidma flimkien.

Ekonomija

Sport