Fl-2022, flimkien ma’ kollegi barranin minn partiti differenti, ħdimt b’suċċess fuq l-ewwel rapport fil-Parlament Ewropew dwar il-Gżejjer. Rapport li fih irrikonoxxejna l-isfidi diversi li jaffaċċjaw il-gżejjer, fosthom dawk b’insularità doppja bħal Għawdex, u l-opportunitajiet li jeżistu jekk ikun hemm rikonoxximent ġust.
Bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti Ewropej, assigurajt li ssir referenza għal Stati li huma magħmulin mill-gżejjer bħal pajjiżna u imbuttajat biex ikollna strateġija komuni għall-gżejjer. Grazzi għar-Rapport imsemmi u għall-pressjoni ma taqta’ xejn li għamilna wara, ftit tal-ġimgħat ilu l-Kummissjoni Ewropea nehdiet l-ewwel Strateġija dwar il-Gżejjer Ewropej. Fl-artiklu ta’ llum xtaqt nagħti ħarsa lejn l-isfond ta’ 4 snin ta’ ħidma ma’ taqta’ xejn li wasslet għal dan ir-riżultat pożittiv.
Niftakar li kemm domt Membru tal-Parlament Ewropew kien hemm xettiċiżmu mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-bżonn ta’ strateġija speċifika għall-gżejjer. F’kull laqgħa li kien ikolli mal-Kummissjoni Ewropea, kont insemmi l-importanza li jkun hemm din l-istrateġija, flimkien ma’ rikjesti oħra tar-Rapport, fosthom li jkun hemm studju t’impatt kull darba li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ bi proposta li tolqot direttament lill-gżejjer Ewropej.
Kont inġib l-eżempju dirett tal-fatt li proposti importanti bħal dawk tal-liġijiet ambjentali ma kinux qed iqisu l-impatt fuq il-gżejjer Ewropej. Din il-pressjoni kont nagħmilha wkoll permezz tal-Intergrupp għall-Gżejjer u Żoni Kostali (SEArica). Permezz ta’ din il-pjattaforma u s-CPMR (Conference for Peripheral and Maritime Regions), kont ningħaqad ma’ vuċijiet oħra li kienu qed jimbuttaw għall-istess għan.
Nibqa’ niftakar l-aħħar laqgħa tiegħi fil-Kumitat għall-Politika Reġjonali, fejn għamilt intervent b’ringrazzjament lill-kollegi kollha li magħhom ħdimt favur il-politika tal-gżejjer, inkluż ic-Chair Younous Omarjee, li miegħu ħdimt fuq l-imsemmi rapport. Kont għamilt appell lil dawk preżenti, li kienu se jerġgħu jikkontestaw u jkunu eletti, sabiex ma jieqfux jaħdmu għal politika reġjonali aktar ġusta mar-reġjuni żvantaġġjati fl-Ewropa, inkluż il-gżejjer Ewropej.
Nistqarr li dan l-aħħar intervent f’dan il-Kumitat, li fih impenjajt ruħi bis-sħiħ għal aktar minn ħames snin, kien wieħed emozzjonanti ħafna. Il-ħidma li wettaqt u t-temi li ħdimt fuqhom bħala Membru tal-Parlament Ewropew, kienu għal qalbi. Ic-Chair, li llum hu Viċi President tal-Parlament Ewropew inkarigat mill-politika għall-gżejjer Ewropej, irrisponda billi qalli li ċert li l-ħidma tiegħi favur il-gżejjer Ewropej mhux se tieqaf hawn minkejja li mhux se nerġa’ nikkontesta. U fil-verità hekk kien. Ftit xhur wara, ingħaqadt mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (‘Gozo Business Chamber’), u flimkien komplejna bil-pressjoni għall-politika aktar effettiva għall-gżejjer Ewropej.
Niftakar kemm fraħt meta ma’ mandat ġdid ħadna l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea kienet se tressaq ’il quddiem Strateġija għall-Gżejjer tal-UE, impenn li kien imniżżel fil-linji politiċi ta’ Ursula von der Leyen għall-2024–2029. Niftakar, imbagħad, id-diżappunt u r-rabja ta’ dawk minna li tant poġġejna ħidma għal dan il-għan, meta l-Kummissjoni ddikjarat pubblikament illi din l-istrateġija tant mistennija ma kinitx se tkun waħda iffukata fuq il-gżejjer, kif mitlub mill-Parlament Ewropew b’mod tant b’saħħtu, iżda waħda li se tinkludi wkoll iż-żoni kostali.
Personalment kelli l-okkażjoni li nirribatti din il-linja żbaljata ma’ rappreżentanta tal-Kummissjoni Ewropea f’Konferenza tal-‘Greening the Islands Foundation’ li saret propju ġewwa Għawdex. Il-punt li kontinwament bqajt nagħmel hu li l-isfidi affaċċjati mill-gżejjer huma permanenti u għaldaqstant jeħtieġu soluzzjonijiet permanenti permezz ta’ Strateġija Ewropea ddedikata purament għalihom.
Eventwalment il-pressjoni ħadmet hekk kif ħarġet sejħa pubblika għal evidenza favur strateġija ffukata fuq il-gżejjer, li ġabret 358 kontribuzzjoni minn 18-il Stat Membru, fosthom is-sottomissjoni li għamilna bħala Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, fejn ġibna diversi eżempji mill-gżira Għawdxija.
Propju xahar ilu, flimkien mal-Presidenza Ċiprijotta tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea finalment ressqet żewġ strateġiji: l-Istrateġija tal-UE ddedikata għall-Gżejjer, flimkien ma’ Strateġija separata għall-Komunitajiet Kostali. Din l-istrateġija se tolqot madwar 17-il miljun ruħ f’aktar minn 4,000 gżira tal-UE fi 16-il Stat Membru, inklużi t-tliet Stati Membri gżejjer — Malta, Ċipru u l-Irlanda — iżda teskludi l-gżejjer ultraperiferiċi tal-UE, li se jkollhom l-istrateġija separata tagħhom aktar tard din is-sena.
Filwaqt illi r-Rapport tal-Parlament Ewropew li ħdimna fuqu kien aktar ambizzjuż, ħassejt sens ta’ kburija li b’ħidmieti ikkontribwixxejt b’mod konkret għal din l-ewwel Strateġija tal-UE ddedikata għall-Gżejjer. Ħidma b’impenn biex dak li tgħid il-liġi – propju artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – jiġi mibdul f’azzjoni konkreta.
Dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea; jiddikjara li l-Unjoni għandha timmira li tnaqqas id-differenza fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, b’attenzjoni partikolari għal żoni rurali, reġjuni bi tranżizzjoni industrijali, u dawk b’iżvantaġġi naturali jew demografiċi bħal gżejjer u żoni fil-muntanji. Kien propju abbażi ta’ dan l-artikolu, u l-eżempju li fil-każ ta’ żoni rurali ġa kien hemm strateġija mmirata għalihom, li tħabatna b’suċċess biex ikun hemm rikonoxximent aqwa tar-realtajiet tal-gżejjer mill-Unjoni Ewropea.
Qed nirrakkonta dan kollu mhux biss biex niċċelebra dan il-mument, fejn bi sforz kollettiv wassalna għall-ewwel Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Gżejjer Ewropej, iżda fuq kollox biex nenfasizza kemm l-insistenza strateġika fuq livell Ewropew hi essenzjali biex pajjiż żgħir bħal tagħna, b’ħafna anqas riżorsi minn oħrajn, iġib bidla b’mod effettiv.
Daqstant ieħor importanti l-kollaborazzjoni ma’ rappreżentanti minn pajjiżi u istituzzjonijiet differenti li għandhom l-istess għan biex flimkien nikkonvinċu għall-bidla pożittiva. Bħala l-ewwel Għawdxija eletta fil-Parlament Ewropew ħassejt is-sejħa u l-obbligu li nwassal il-vuċi tal-gżejjer b’mod b’saħħtu u kontinwu.
Fil-preżent, kuntenta li din il-ħidma nista’ nkompliha grazzi għall-impenn fi ħdan il-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, fejn ġejt inkarigata naħdem fuq it-trasport u l-aspett marittimu – aspetti tant importanti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ tant u tant residenti u negozji li bħalna ġejjin mill-gżejjer.
