Tuesday, April 30, 2024

“Hija xi ħaġa pożittiva li tara bniedem jagħmel suċċess u progress bl-għajnuna li nkunu tajna” – Nicolette Debono

Aqra wkoll

Miktub minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali (MFCS).

Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali għas-servizzi soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 850 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żagħżagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn.

L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179 u 1772 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettall ma’ waħda mill-ħaddiema soċjali Nicolette Debono dwar il-karriera tagħha fl-FSWS.

X’ħajrek biex tagħżel din il-karriera ta’ Ħaddiema Soċjali?

Mindu kont żgħira dejjem kont dejjem ngħin lin-nies, u fejn jidħol is-social work hija xi ħaġa naturali li tagħti għajnuna lil ħaddieħor. Għax jekk ma tkunx ġo fik il-ħaġa li tgħin lill-ħaddieħor, allura żgur m’għandekx tagħżel karriera bħal din, li tkun ħaddiema soċjali. Jiena dejjem emmint li fil-ħajja dejjem tgħaddi minn sitwazzjonijiet u perjodi diffiċli, allura b’nies bħal ħaddiema soċjali jew inkella professjonisti oħrajn, nistgħu intejbu l-kwalita ta’ ħajja tagħhom li tirrifletti li jkollhom il-bżonnijiet bażiċi. F’kelma waħda x-xogħol ta’ social work huwa li tħaddan il-valuri tal-ħajja.   

X’jirrikjedi x-xogħol ta’ Ħaddiema Soċjali?

Wieħed irid jara minn liemha servizz ġej, eżempju jiena ġejja mill-qasam tal-komunità u nindirizza dawk il-problemi soċjali li jkunu ġejjin mill-komunità. Nista nagħti eżempju tax-xogħol li jkollna, bħal meta jekk jiġi xi persuna bla saqaf fuq rasu ngħinuh isib residenza, u ġieli wkoll nirreferuwhom għal xi xelters, u bilmod il-mod tibda tara u taċċerta ruħek li l-persuna jkollha l-bżonnijiet bażiċi.  

X’esperjenza pożittiva għandek f’dan ix-xogħol?

Bħalha esperjenza posittiva hija l-fatt li tara n-nies moqdija hija diġà biżżejjed. Ovvjament in-nies jiġu għandna għall-għajnuna għax ikunu għaddejjin minn xi diffikulta, imbagħad meta tara persuna li tkun fil-qiegħ, u permezz tal-għajnuna tagħna, tarah jitla ‘l fuq u jtejjeb il-ħajja tiegħu bis-sapport li nkunu qed intuh, il-persuna tkun konxja kemm hawn servizzi utli fil-komunità. Hija xi ħaġa pożittiva li tara bniedem jagħmel suċċess u progress bl-għajnuna li nkunu tajna u allura huwa ta’ sodisfazzjoni kemm għalina kif ukoll għall-klijent. F’kelma waħda meta tisma bniedem li jkun għamel progress kbir bl-għajnuna tagħna, hija l-aktar esperjenza pożittiva fil-karriera tiegħi.

Kif tindirizzaw każijiet diffiċli?

Hemm livelli differenti ta’ każijiet diffiċli, pero l-iktar wieħed huwa meta persuna ma jkolliex saqaf fuq rasha.  Peress li hawn ħafna nuqqas ta’ riżorsi minħabba l-pandemija bħalissa tkun aktar diffiċli li tgħin persuna peress li x-xelters huma kollha mimlijin, u għalhekk tara wieħed x’għandu bżonn eżatt. L-ewwel li jrid isir huwa assessjar u tagħti lill-klijent jitkellem bil-liberta kollha biex iħossu komdu li qed jingħata spazju jiftaħ qalbu. Trid tibda minn hemm biex bejn il-ħaddiema soċjali u l-klijent jintlaħaq ftehim biex jekk l-għan tiegħu ikun jista jintlaħaq. L-assessjar isir biex il-problema minn diffiċli nġibuwha esperjenza posittiva w nimxu għall-quddiem.

Kif tkunu ċerti li n-nies li jkollkom quddiemkom, ġenwinament għandhom bżonn l-għajnuna?

F’dawn iż-żminijiet il-maġġoranza li qed jiġu huma bi problemi finanzjarji. Anke qabel il-pandemija meta kienu jiġu l-klijenti għall-għajnuna, konna nagħmlu l-assessjar meħtieġ biex naraw x’għandu bżonn il-klijent u fejn nistgħu ngħinuh. Meta jiġu bi problemi finanzjarji ninvestigaw jekk il-każ hux ġenwin jew le u nitolbu bosta dokumenti bħal FS3, P3 u anke dokumenti tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali. Naraw ukoll id-dħul finanzjarju li għandhom u kif qed iqassmu l-flus. Qabel persuna tingħata l-għajnuna, biex inkunu ċerti li l-każ huwa ġenwin, nagħmlu wkoll żjarat fid-djar tal-klijenti u minn hemmhekk jiġi stabbilit x’tip ta għajnuna għandhom bżonn il-klijenti. Naħdmu wkoll ma bosta entitajiet oħra bħal Community Chest Fund biex jekk l-għajnuna ma tkunx tista tingħata min-naħa tagħna, l-klijenti jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna xorta waħda.  

Taħseb li bil-kors tal-Università biss, tkunx lesta tindirizza l-problemi li tiltaqà magħhom?

Jiena nemmen li l-kors tal-Università jippreparak għall-bidu ta’ karriera ta’ ħaddiema soċjali, pero l-esperjenza tiġi waħedha għax dan il-qasam jinbidel kontinwament maż-żmien. Nagħtu eżempju l-problemi li ġabet magħha l-pandemija għax ħadd minnha ma kienx jaf x’se jsib ma wiċċu u allura kellna nadattaw il-ħidma tagħna skont il-bżonn tas-sitwazzjoni. Għalkemm nemmen li bil-kors tkun ippreparata biex tagħmel dan ix-xogħol, xorta waħda għandek bżonn tingħata taħriġ kontinwu f’dan il-qasam biex dejjem tkun aġġornata mas-sitwazzjonijiet ta’ kull żmien peress li jsiru ħafna riċerki ġodda u trid tkun lesta biex tadatta magħhom. Il-Fondazzjoni stess infatti toffri opportunitajiet vasti biex l-impjegati jevolvu fix-xogħol tagħhom u toffri bosta taħriġ saħansitra anke barra minn Malta biex il-ħaddiema soċjali jkunu jistgħu itejbu l-pożizzjoni tagħhom f’dan il-qasam.  

Kemm tiltaqaw ma’ każijiet f’sena?

Fil-lokalitajiet li naħdem magħhom jiena matul is-sena 2020 kellna 71 każ fosthom anke minn klijenti li reġaw irrikorrew għall-għajnuna. Apparti dan jekk inżidu każijiet li kienu diġa bdew jiġu ndirizzati mill-professjonisti tagħna diġa, ħdimna ma’ 131-il klijent.

Kif kellkom tadattaw ix-xogħol tagħkom fi żmien il-pandemija?

Għalkemm fi żmien il-pandemija ma bqajnix naħdmu fin-normalita tagħna, x-xogħol xorta baqa jsir. Xorta bqajna niltaqgħu mal-klijenti u fejn kellna bżonn li nassistu klijent il-Qorti, xorta bqajna mmorru u dejjem ħadna l-prekawzjonijiet neċessarji minħabba l-pandemija. Fl-uffiċini ġew installati wkoll id-diviżorji u ġejna mogħtija l-għodod neċessarji kollha bħalha prekawzjoni għall-pandemija. Impossibbli fix-xogħol tagħna kien li nnaqqsu ż-żjarat fid-djar speċjalment meta tirċievi talba għall-għajnuna minħabba li familja nqaqbdet mingħajr ikel. F’każi bħal dawn aħna xorta assistejna u anke morna nagħmlu x-xirja lill-familja konċernata u ħadnilhom il-provvisti tal-ikel id-dar. Ċerti każi fejn il-klijenti li talbu l-għajnuna kienu vulnerabbli u ma jistgħux joħorġu mid-dar, xorta morna għandhom u għamilna assessjar ħafif biex ma naqbżux il-15-il minuta fil-preżenza tagħhom bħalha prekawzjoni. Introduċejna wkoll sistemi fejn tkellima mal-klijenti permezz tal-internet biex innaqqsu kemm jista jkun iż-żjarat, pero fejn sibna problema li persuni ma jafux jużaw it-teknoloġija, xorta kellna niltaqgħu magħhom fiżikament u allura f’dawk il-każi bqajna noperaw normali.  

X’pariri tagħti lil dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-qasam soċjali?

Il-pariri li nagħti jien, għalkemm f’dan il-qasam tiltaqa’ ma’ ħafna problemi, xorta dan ix-xogħol fih is-sabiħ tiegħu. Il-fatt li tinbena relazzjoni mal-klijenti fejn mill-qiegħ permezz tal-għajnuna li tkun tajtu tarah jagħmel progress, hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Nisħaq li din il-karriera trid tidħol għaliha b’ruħek u b’ġismek fil-veru sens tal-kelma għax jekk se jkollok persuna pereżempju li jkun għaddej minn problemi ta’ suwiċidju jew għaddej minn xi problemi mentali bħal dipressjoni, trid turi lill-bniedem li qed temmen fih biex terġa’ tagħtih il-fiduċja assoluta biex jerġa’ jqum fuq saqajh u jindirizza l-problemi li jkun għaddej minnhom b’kuraġġ biex ma jerġax jispiċċa f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

Sport