Sunday, May 19, 2024

Hit and run fatali f’Delhi li xxokkja pajjiż sħiħ

Aqra wkoll

Il-mewta traġika ta’ mara ta’ 20 sena fil-kapitali tal-Indja, Delhi, fl-Ewwel tas-Sena ħasdet lill-pajjiż.

Skont il-midja Indjana, The Indian Express, il-vittma hija Anjali Singh. Rapporti fil-midja qalu li l-mara, li kienet maniġer tal-avvenimenti, kienet qiegħda tirritorna mix-xogħol fis-sigħat bikrin tal-1 ta’ Jannar meta l-iscooter li kienet qed issuq kellu impatt ma’ karozza.

Il-Pulizija qalet li s-sewwieq tal-karozza, li miegħu kellu erba’ passiġġieri oħra, baqa’ jsuq għal kilometri sħaħ filwaqt li baqa’ jkaxkar il-katavru tal-mara. Diversi filmati tas-CCTV urew il-katavru taħt il-karozza.

X’ġara s’issa?

Il-Pulizija qalet li nediet operazzjoni ta’ tfittxija għall-vettura wara li l-Ħadd filgħodu rċeviet żewġ sejħiet – waħda dwar mara li tkaxkret minn karozza Maruti Baleno u oħra wara li l-katavru tal-mara nstab mixħut fi triq fit-Tramuntana ta’ Delhi. Huma arrestaw lis-suspettati wara li eventwalment sabu l-karozza li allegatament kienet involuta fl-inċident.

L-uffiċjal għoli tal-Pulizija, Sagar Preet Hooda, qal li l-akkużati qed ikunu mixlija b’omiċidju u li kkawżaw il-mewt b’negliġenza. Huma kienu ssellfu l-karozza mingħand ħabib tagħhom biex isuquha fil-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar. Żiedu li l-akkużati kienu mbagħad abbandunaw il-katavru tal-vittma fit-triq u ħarbu minn fuq il-post.

L-akkużati, li jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija, s’issa m’għamlu l-ebda stqarrija dwar l-inċident. Il-Pulizija qalet li se jittieħdu fuq il-post tar-reat biex “Jivverifikaw il-verżjoni tagħhom tal-avvenimenti” u li l-karozza se tiġi eżaminata minn tim ta’ esperti forensiċi.

Uffiċjali qalu wkoll li se jużaw manikin biex jivverifikaw dak li kienu qed jgħidu l-akkużati, illi ma semgħux għajjat tal-vittma għax kienu qed idoqqu mużika qawwija fil-karozza.

Sport