Wednesday, April 24, 2024

Hockey: Gree Sliema Hotsticks isaħħu t-tieni post

Aqra wkoll

Gree Sliema Hotsticks baqgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey meta f’Kordin għelbu lil White Hart 7-0. Għal dawn tal-aħħar din kienet l-għaxar telfa staġjonali sabiex baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika.

Is-Slimiżi kienu determinati sa mill-bidu u kien hawn li spikkaw Emile Borg u Christ Agius li skorjaw doppjetta kull wieħed sabiex David Vella, Alessandro Amore u Julian Zahra żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Min-naħa l-oħra, Trust Payments Floriana Young Stars ġew miżmuma fi draw ta’ 3-3 minn Rabat. Dan kien ċans mitluf għall-Furjaniżi li qed jissieltu għat-tieni post tal-klassifika flimkien ma’ Sliema. Minkejja kollox, ir-Rabtin dejjem wieġbu għall-gowls tal-avversarji sabiex ħadu draw meritat.

Julian Farrugia, Mark Camilleri u David Evans skorjaw għal Floriana filwaqt li doppjetta ta’ Kevin Micallef u gowl ieħor ta’ Glendon Gatt taw punt lil Rabat.

Fil-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena Summer Night Marsaskala Heat huma ċ-champions il-ġodda hekk kif bir-rebħa ta’ 8-1 li kisbu kontra Qormi Daikin ma jistgħux jiġu milħuqa mit-tieni tim fil-klassifika.

F’atmosfera ferm sabiħa li kien hemm fil-kumpless tal-hockey f’Kordin, l-Iskalin kienu għatxana għal dan l-unur b’Jayden Cutajar u Niandra Xuereb jiskorjaw hat-trick kull wieħed. Jerome Carabott u Cayleb Caruana żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom b’Neil Spiteri jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Qormi.

Finalment f’logħba oħra li ntlagħbet mit-tieni round tal-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena White Hart għelbu lil Gree Sliema Hotsticks 3-0 b’gowls ta’ Camilleri, Borg u Xuereb.

KLASSIFIKA:

Qormi Daikin 22, Gree Sliema Hotsticks15, Trust Payments Floriana Young Stars 12, Rabat 5, White Hart 2

Sport