Saturday, October 26, 2024

“Ħsibt li forsi dawk kienu l-aħħar nifsijiet li se nieħu…” – vittma tal-vjolenza domestika

Jade Cini taqsam l-esperjenza kerha li għaddiet minnha biex tqajjem aktar għarfien

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ninsabu fil-bidu tal-kampanja annwali “16-il Jum ta’ Attiviżmu Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru”, parti minn ħidma internazzjonali li tibda fil-25 ta’ Novembru, il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa u tibqa’ għaddejja sal-10 ta’ Diċembru, Jum id-Drittijiet tal-Bniedem. It-tema magħżula għal din is-sena hija “Il-vuċi Tiegħek Tista’ Teħilsek” u hekk qiegħda tagħmel Jade Cini li b’kuraġġ qiegħda taqsam l-esperjenza li sofriet hija stess meta kien vjolenti lejha l-eks sieħeb. Hija qiegħda titkellem pubblikament bil-għan li jkun hemm aktar għarfien u jsiru t-tibdiliet kollha meħtieġa biex din il-pjaga soċjali tiġi eliminata darba għal dejjem.

“F’dak il-mument għaddhieli minn moħħi li jaf li stajt ma erġajtx ħrigt minn hemm. Ħsibt… din taf tkun il-mewta tiegħi, li forsi dawk kienu l-aħħar nifsijiet li se nieħu. Din kienet esperjenza tassew iebsa ħafna u minkejja li kull darba li nirrakkontaha nħossni li qisni qiegħda nerġa’ ngħixha, jien irrid inkompli nqajjem kuxjenza u għarfien dwar dak li jgħaddu minnu n-nisa minħabba l-vjolenza domestika”. 

Din hija l-misssjoni ta’ Jade Cini, mara attraenti bi tbissima liema bħalha, li kieku ma tkunx taf minn x’hiex għaddiet, qatt ma timmaġina li għaddiet minn trawma bħal din u ġġorr il-ġerħa li kull vittma ta’ vjolenza domestika ssofri. 

YouTube video

Hija tkellmet fil-konferenza li tat bidu għal 16-il jum ta’ għarfien li l-għan tagħha huwa li tħeġġeġ individwi, komunitajiet u organizzazzjonijiet biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika qabel ma tibda. 

“Jiena waħda mill-ftit li tkellimt dwar l-esperjenza tiegħi. Kull darba li nirrakkontaha nqanqal emozzjoni għax qisek terġa’ tgħixha,” bdiet Cini. Ir-relazzjoni li kienet fiha kienet waħda ta’ tliet xhur biss, pjuttost qasira u sakemm seħħ dak li seħħ, f’għajnejn din it-tfajla kollox kien miexi sewwa. Tant huwa hekk, li qatt ma rat xi sinjali ta’ tħassib.

Ġara li hija saret taf li l-eks sieħeb tagħha kien qiegħed imur ma’ tfajliet oħra u anke beda juża kliem oxxen. Kien għalhekk li hija ddeċidiet li ttemm ir-relazzjoni u reħitha lejn ir-residenza tiegħu biex tagħtih l-affarijiet li kellu għandha. Hawnhekk hija tkellmet mal-ġenituri u spjegatilhom l-affariijiet. “Fehmuni imma talbuni biex xorta waħda nkellmu u wara ħarġu mir-residenza. Imbagħad ġie huwa. Meta għidtlu li spiċċa kollox bejnietna rritalja. Sar totalment bniedem ieħor u f’għajnejh ma rajtx dik il-persuna li kont naf qabel. Hemm kien il-punt li rrealizzajt li hemm xi ħaġa ħażina, li l-pjan tiegħi kien se jfalli,” kompliet din il-vittma.

Cini rrakkontat li kif ippruvat taqbad il-basket biex titlaq, l-eks sieħeb tagħha tefagħlha l-kontenut kollu mal-art. Deskritta minnha bħala “logħba biex jakkwista xi ħaġa minni”, din it-tfajla ddeċidiet li tħalli kollox warajha għal raġunijiet ta’ sigurtà. Ġara però li l-ġuvni qabadha minn idha, għamilha mal-ħajt u beda jagħti d-daqqiet ta’ ponn mal-ħajt u kien hemm drabi li laqagħtha wkoll. 

“Tani daqqa fuq rasi b’rasu stess… Beda nieżel id-demm u ma bdejtx nara. Sturdejt” – Jade Cini, vittma tal-vjolenza domestika

F’dak il-mument Cini kienet imwerwra tant li bdiet tgħid lilha nnifsha, ‘jaf tista’ ma terġax toħroġ minn hawn’, ‘din taf tkun il-mewta tiegħek’. Dawn kienu mumenti iebsa ħafna imma l-agħar kien għadu ġej. Din it-tfajla tiftakar kif ippruvat taħrab iżda kien hawn li l-eks sieħeb taha daqqa fuq rasha b’rasu stess. “Beda nieżel id-demm u ma bdejtx nara. Sturdejt,”kompliet bid-dettalji Cini. 

Hija qalet li ff’ħin minnhom kien hemm ftit sekondi ċans li taħrab u hekk għamlet. Fortunatament, irnexxielha. Malli ħarġet bid-demm iċarċar, fi stat ta’ xokk u biżgħa kbira, Cini bdiet twaqqaf lin-nies u titlobhom biex jgħinuha billi jagħtuha telefon ħalli ċċempel lil tad-dar biex jiġbruha. Hija kienet ħarbet mingħajr ma ġabret la ċ-ċwievet tal-karozza u lanqas il-mowbajl. Għaldaqstant kellha verament bżonn l-għajnuna ta’ proxmu tajjeb.

B’dispjaċir hija qalet li kien xokk ieħor kbir għaliha meta ltaqgħet ma’ persuni li rrifjutaw li jgħinuha bl-iskuża li ‘ma jridux jidħlu fil-basla’. Il-mara qalet kif “dak il-ħin ksaħt, ma stajtx nemmen… Ma kontx naf fejn se naqbad nitfa’ rasi tant li kont se naqbad nimxiha minn Ħal Qormi sal-Belt, basta nasal id-dar”.

Wara xi tentattivi li ssib qalb tajba tgħinha fit-triq, Cini ħabtet bieb u kien hemm jistennewha wara l-bieb familja ta’ erba’ persuni. “Mhux soltu li biex jinfetaħ bieb imorru erba’ min-nies. Naħseb li semgħu l-istorbju għax kienu ġirien. Hija tiftakar li, “mill-ewwel ġibduni ‘l ġewwa għandhom u dak il-ħin ħassejt sensazzjoni li kont qisni qiegħda d-dar. Tawni mowbajl u r-raġel mar għand l-eks biex iġibli l-affarijiet. Smajna kommozzjoni u ma ridtx inġibu fl-inkwiet minn fuq li kien qiegħed jgħinni”.

Fuq il-post marru l-Pulizija u wara Cini ntalbet biex tmur l-għassa fejn ġiet mgħarrfa li dan kien każ ta’ vjolenza domestika u li trid tipproċedi bil-Qorti. Din il-vittma qalet li ħasda oħra kienet mill-avukat li qabdet hija stess fejn meta marret għal konsultazzjoni, l-avukat tagħha qisu ma ħax il-każ bis-serjetà minħabba li l-vjolenza domestika ’ġrat darba biss’, ‘m’hemmx tfal u proprjetà bejnietkom’ u għaldaqstant ‘m’hemmx inkwiet’.

Din it-tfajla spjegat kif barra t-trawma u l-ġiri involuti, hemm il-lat li wieħed “għax jaf kif imorru l-affarijiet”, jilgħab bil-qorti. Minħabba li l-eks tagħha kien jaf li jista’ ma jitlax l-ewwel żewġ seduti, qalet li stenna t-tielet seduta biex ikun preżenti mingħajr ma jidħol fl-inkwiet. Barra minnhekk, bħallikieku ma kienx biżżejjed, fl-awla Cini saret taf li l-avukat tagħha kien jaf lill-eks sieħeb li kellha u tgħid kif ma setgħetx tifhem kif l-avukat ma infurmahiex li hemm konflitt ta’ interess.

Fis-smiegħ hija tiftakar li ma fehmet xejn u b’dispjaċir fl-aħħar mill-aħħar ma ħaditx ġustizzja minkejja l-ħsara li sofriet. “L-avukat kien qisu qiegħed jaqtagħli qabli u ried li niftiehmu għal ħlas ta’ spejjeż. Fuq id-danni li sofrejt xejn… Dawk huma emozzjonali u ta’ dawk m’hemmx ħlas,” spjegat din it-tfajla.

Cini temmen li għad baqa’ ħafna xi jsir u fejn intejbu biex ikun indirizzat dan l-abbuż ta’ vjolenza fuq in-nisa u appellat biex aktar vittmi bħalha jsemmgħu leħinhom. “Mill-esperjenza tiegħi rajt kemm in-nies jirrelataw miegħek u għaldaqstant huwa importanti li titkellem,” temmet din il-vittma ta’ vjolenza domestika.

Sport