Monday, November 11, 2024

“Huma r-Russi stess li għandhom iċ-ċavetta jekk il-gwerra tintemmx jew le”

– John Debono – Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna

Aqra wkoll

Qabel xejn, x’inhu r-rwol tiegħek bħala Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna?
Jien akkreditat bħala Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna, iżda peress li Malta għad m’għandhiex ambaxxata fl-Ukrajna, jien residenti Malta u nivvjaġġa meta jkun hemm il- bżonn minn żmien għall-ieħor. Illum il-ġurnata, bl-avvanz fil-komunikazzjoni u wisq aktar wara l-pandemija, sar aktar faċli li wieħed jaħdem minn pajjizu u jagħmel ħafna mix-xogħol mingħajr ma jkollu bżonn ikun fit-territorju li fih ikun akkreditat. Li pajjiżna m’għandux ambaxxata, ma jfissirx li ma nistgħux inkunu ta’ servizz għall-Maltin ġewwa l-Ukrajna.

Hemmhekk għandna Konslu Onorarju li jagħmel dan ix-xogħol u peress li huwa dejjem qiegħed hemm, ikun jista’ jattendi għall-bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu. Ix-xogħol tiegħi prinċiparjament huwa dak li nżommu ħajjin il-kuntatti bejn iż- żewġ pajjiżi fi sferi differenti u nfittxu opportunitajiet li possibilment ikunu ta’ benefiċċju għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
 
Ħa mmorru għall-gwerra fl-Ukrajna. X’tikkummenta fuq din il-gwerra?
Il-gwerra li għandna ma’ wiċċna llum hija gwerra li bdiet lura fl-2014 meta l-Federazzjoni Russa kienet okkupat it-territorju tal-Krimea li skont il-liġijiet internazzjonali imur kontra l-integrità territorjali li wieħed lanqas għandu x’jiddiskuti għax huwa ksur tal-Liġi.

Minn hemm il-kunflitt baqa’ jikber u r-Russi baqgħu jgħinu lis-separatisti Ukreni ġo Donbass li jiġi fil-parti l-aktar fil-Lvant tal-Ukrajna – fruntiera mar-Russja. Dawn il-kumplikazzjonijiet wasslu biex fi Frar tas-sena l-oħra, ir-Russja nvadiet lill-Ukrajna wisq aktar ‘il ġewwa minn dawn it-territorji u eskalat għal dak li qed ngħixu llum il-ġurnata.  
 
Taħseb li hemm tmiem għaliha?
Din hija l-mistoqsija l-aktar komuni li naħseb li jekk xi ħadd jagħti tweġiba għaliha, inkunu qed niżbaljaw għaliex din hija gwerra li bdietha r-Russja għal raġunijiet tagħha u fl-opinjoni tiegħi huma r-Russi stess li għandhom iċ-ċavetta jekk tintemmx jew le. Personalment iżda ma naħsibx li r-Russi għandhom xi intenzjoni li jwaqqfu dak li bdew huma, għax ir-riperkussjonijiet kontra tagħhom, ma naħsibx li lesti jiffaċċjawhom.
 
Kif affettwat lid-dinja fosthom lil pajjiżna speċjalment fil-prezzijiet tal-qmugħ?
L-Ukrajna huwa wieħed mill-aktar pajjiżi li jesporta qmugħ u prodotti agrikoli fid-dinja. Huwa territorju kbir, art fertili ħafna u t-temp għalkemm aħna bħala Maltin forsi narawh kiesaħ għal dawn il-prodotti huwa ta’ għajnuna. Meta faqqgħet it-tieni fażi tal-gwerra, is-sena l-oħra, l-esportazzjoni waqfet ħesrem kif ukoll ma tantx ġew miżrugħa żrieragħ daqs is-snin ta’ qabel.

Dawn il-fatturi ġabu paniku fis-suq internazzjonali u bħalma dejjem jiġri f’dawn is-sitwazzjonijiet, jogħlew ukoll il-prezzijiet. L-għoli tal-prezz tal-qmugħ huwa wieħed mill-aktar affarijiet perikolużi għax tant jaffettwa prezzijiet ta’ affarijiet oħra, li kważi jispiċċa jogħla kull prodott. Eżempju bażiku huwa li jekk jogħla l- għalf għat-tiġieġ, iċ-ċans huwa li jogħla wkoll il-bajd. U huwa propju hawn fejn il-Gvern għamel is-sagrifiċċju billi beda jissussidja l-għalf biex iżomm l-għoli tal-prezzijiet baxx kemm jista’.
 
X’taħseb fuq il-mod kif qed jittrattaw din il-gwerra il-Gvernijiet tal-Ukrajna u tar-Russja?
Dawn huma żewġ Gvernijiet li qegħdin fi gwerra li żgur m’huma se jaqblu f’xejn. Tisma’ liema trumbetta tisma’, it-tnejn li huma jippruvaw jikkonvinċuk li għandhom raġun, iżda li pajjiż jinvadi pajjiż ieħor, m’hija aċċettabli qatt. Kieku r-Russi kellhom xi raġuni valida ta’ xi ħaġa, din tilfuha bl-att illegali ta’ invażjoni ġo territorju ta’ pajjiż ieħor.
 
U potenzi oħrajn?
Il-gwerra qed taffettwa lil kulħadd, kemm potenzi kbar kif ukoll pajjiżi żgħar bħal tagħna, kemm fil-viċin kif ukoll fil-bogħod. Hemm potenzi li llum huma aktar involuti minn oħrajn fejn tidħol għajnuna imma din wieħed ma jistax jaraha bħala għajnuna lill-Ukreni biss.

Qed isiru ħafna allegazzjonijiet li pajjiżi u potenzi oħrajn qed jgħinu jew jafu jgħinu lir-Russja. Dan kollu jkun qiegħed ikabbar il-possibiltá ta’ eskalazzjoni akbar li żgur ma tkun ta’ benefiċċju għal ħadd!
 
 

Sport