Wednesday, April 24, 2024

Iċ-Ċentru għall-Iskart Goff ta’ Ħal Far se jilqa’ fih oġġetti użati sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ħal Far se jilqa’ fih materjal li jista’ jerġa’ jintuża, grazzi għal investiment li bih WasteServ qed tiftaħ l-ewwel Reuse Centretagħha.

Fir-Reuse Centre, iċ-ċittadini jistgħu jakkwistaw oġġetti użati li għadhom f’kundizzjoni tajba permezz ta’ donazzjoni u l-flus imorru ġo fond imwaqqaf mill-WasteServ biex jintuża għal inizjattivi favur l-ambjent.

Waqt żjara mill-Ministru Miriam Dalli, mis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett u mill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, ġie spjegat li f’dawn iċ-ċentri wieħed jista’ jsib diversi oġġetti fosthom ċeramika, ġugarelli, kotba, aċċessorji tal-pets, biċċiet tal-għamara u anke instrumenti mużikali.

Aktar ċentri se jinfetħu f’Ħal Luqa, fl-Imrieħel u f’Għawdex, b’investiment totali ta’ madwar €170,000.

“Dawn iċ-ċentri se jħeġġu l-użu aħjar tar-riżorsi eżistenti biex b’hekk inkomplu nimxu lejn ekonomija aktar ċirkulari. Oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba m’għandhomx jispiċċaw mormija u allura nkunu qed innaqqsu l-iskart ukoll,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli żiedet li “Minbarra l-impatti pożittivi fuq l-ambjent, proġetti bħal dawn joħolqu wkoll impjiegi ekoloġiċi ġodda li qed jikkontribwixxu fit-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn ekonomija ekoloġika u ċirkulari.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li Wasteserv ilha għaddejja b’inizjattivi u b’kampanji edukattivi biex tkompli teduka lill-poplu Malti dwar l-importanza ta’ separazzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u li oġġett jerġa’ jiġi użat.

“Mill-programm ta’ finanzjament il-ġdid 2021-2027 pajjiżna se jara li jiġu allokati fondi biex WasteServ tkun tista’ twettaq proġetti bħal dawn biex l-iskart jiġi riċiklat u oġġetti li nistgħu nerġgħu nużaw, nużawhom għal affarijiet oħra,” qal Dr Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega li n-nies se jkunu jistgħu jiksbu dawn l-oġġetti b’donazzjoni. “Din id-donazzjoni se tkun stabbilita minn qabel u se tmur ġo fond imwaqqaf biex jintuża għal inizjattivi favur l-ambjent. Diversi oġġetti, fosthom ġugarelli, kotba, u instrumenti mużikali se jkunu qed jingħataw b’xejn.”

Ix-xogħol fuq it-tliet ċentri l-oħra – fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, tal-Imrieħel u ta’ Tal-Kus f’Għawdex – jinsab fl-aħħar fażijiet.

Dan il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-Fond ta’ Koeżjoni – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.

Sport