Monday, May 13, 2024

Iċ-Ċina tikkonsidra liġi li jippenalizza ġenituri ta’ tfal b’imġiba ħażina

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Parlament Ċiniż qiegħed jikkonsidra joħroġ liġi li biha jippenalizza ġenituri ta’ tfal li jġibu ruħhom ħażin ħafna jew jagħmlu atti kriminali. L-abbozz ta’ liġi għall-promozzjoni tal-edukazzjoni tal-familja, il-gwardjani se jkunu ordnati jattendu programmi edukattivi u ta’ gwida jekk il-prosekuzzjoni ssib li hemm imġiba ħażina jew tendenzi kriminali fit-tfal taħt il-kura tagħhom.

“Hemm ħafna raġunijiet għala adoloxxenti jġibu ruħhom ħażin u l-kawża prinċipali hija n-nuqqas ta’ edukazzjoni jew gwida ħażina fil-familja,” sostna Zang Tiewei, kelliem tal-Kummssjoni għall-Abbozzi tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu (NPC).

L-abbozz għall-promozzjoni tal-edukazzjoni tal-familji jħeġġeġ lill-ġenituri biex jaraw li t-tfal ikollhom ħin għall-mistrieġ, għal-logħob u għall-eżerċizzju fiżiku. 

Din is-sena Beijing ħa f’idejh rwoli paterni fosthom indirizza l-vizzju tal-logħob online fiż-żgħażagħ wara li ddikjara dan il-vizzju bħala “opium spiritwali” li jwassal għal “ideoloġija għamja” ta’ persunaġġi famużi. Fix-xhur li għaddew il-Ministeru tal-Edukazzjoni llimita n-numru ta’ sigħat li l-minuri jistgħu jqattgħu jilagħbu online. Dawn issa saru jistgħu jilagħbu biss siegħa kull nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd.

L-istess Ministeru naqqas l-ammont ta’ homework li jingħata lill-istudenti kif ukoll waqqaf il-lezzjonijiet privati wara l-ħinijiet tal-iskejjel fis-suġġetti ewlenin. Dan minħabba tħassib li hemm dwar tensjoni żejda fuq it-tfal minħabba l-istudji akkademiċi tagħhom.

Fl-istess ħin iċ-Ċina qiegħda titlob biex l-irġiel Ċiniżi jkunu inqas femminili u minflok ikunu aktar maskili.

Sport