Wednesday, April 24, 2024

ID-DEĊIŻJONIJIET IEBSA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

F’demokrazija bħal tagħna u bħal ta’ oħrajn, kemm jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet iebsa meta jkun żmienhom li jittieħdu? Għax il-lant politiku-partiġġjan  hu li jekk naħa tagħmel riforma li “tweġġa’”, in-naħa l-oħra twiegħed li malli l-poplu jagħtiha ċans, treġġa’ r-“riforma” lura.

Allura l-aqwa mossa fil-ħajja politika ssir dak li twiegħed l-artab malli min imexxi jkollu jdaħħal l-iebes.

Kienet tkun sabiħa l-ħajja kieku l-għażliet il-kbar setgħu jibqgħu bejn sabiħ u sabiħ, bejn artab u artab… B’xorti ħażin, mhux hekk. Xi kultant l-iebes ma jistax jitwarrab jekk it-tmexxija se tkun waħda għaqlija. Il-biża’ jibqa’ li meta jerġa’ jasal żmien il-vot, ir-rebħa tingħata lil min irid jerġa’ jġib l-artab, anke jekk dan se jwassal għal konsegwenzi perikolużi.

Hawn li jinsab l-aqwa vantaġġ ta’ sistema presidenzjali eżekuttiva. Madankollu anke hi, bħal fil-Messiku, trid tintrabat mal-kundizzjoni li president eżekuttiv iservi għal term wieħed biss.  Ara fi Franza, fejn riesqa elezzjoni presidenzjali oħra, il-President Macron qed iżomm ħarstu fissa fuq kemm għadu qed jingħoġob mal-Franċiżi…

IT-TELLIEQA TAL-VAĊĊIN

Fi New York, f’Malta, fi Franza, fi Spanja fost oħrajn, qamet il-kritika li l-vaċċin li għandu jeqred l-imxija tal-Covid-19 qed jingħata b’wisq lajma. Kienet prevedibbli bħala kritika. Il-problema hi biex tagħraf kemm hi ġustifikata.

Il-vaċċin hu ġdid – l-iżvilupp tiegħu tgħaġġel ħafna – il-propaganda kontrih għal xi raġuni kienet effettiva u beżżgħet lil wisq nies – il-metodu kif tiġi amministrata barra milli hu ġdid għandu l-komplikazzjonijiet tiegħu… – it-tqassim tal-volumi ta’ vaċċin li qed jinħarġu mill-fabriki jidher li f’ċerti każi ltaqa’ ma’ intoppi…

Fiċ-ċirkostanzi, ħadd ma jrid jagħmel xi żball li joħloq kriżijiet ġodda. Xorta l-kawtela meħtieġa ma tridx titħalla ssir paraliżi.

Sadattant sal-bidu tas-sena, il-gvern ta’ Netanyahu f’Iżrael kien qed jistqarr li diġà għaxra fil-mija tal-poplu tal-Iżrael kien tlaqqam bil-vaċċin. Riżultat straordinarju.

TRE RE

M’għadhiex tiġi ċċelebrata l-festa tal-Epifanija, tat-Tre Re, kif kienu jsejħulha meta kont tifel. Jien li ma tantx niddeletta bil-festi sibt li meta naħseb f’hekk, jiddispjaċini.

Is-7 ta’ Jannar kien jimmarka t-tmiem tal-vaganzi tal-Milied. Kienu jkunu twal ġimagħtejn bil-preċiż. Kienet ftit stramba dil-wasla tas-slaten Maġi kif konna ngħidulhom, bir-rigali tagħhom għax ir-rigali li aħna konna qlajna bħala tfal kienu jkunu ilhom li nħarġu u ndraw. Il-ħlewwiet tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena kienu jkunu kważi kollha ttieklu. 

  Xorta l-festa tat-Tre Re kellha l-ġibda tagħha. Mal-messaġġ li twassal dwar kif għal kull bidu hemm tmiem, kien jidħol ukoll il-ħsieb li stajt tiċċelebra u tgħożż dat-tmiem bin-nostalġija li jġib miegħu.

Sport