Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Meta kont iżgħar, kont involut ħafna fl-isport. Jien lgħabt il-futbol u l-waterpolo sakemm kelli 19-il sena. Ipparteċipajt ukoll fin-Nofs Maratoni ta’ Malta fl-2008 u l-2010 iżda wara ma erġajtx komplejt fl-atletika. Riċentement, f’Jannar tal-2023, iddeċidejt li nerġa’ nġib il-forma u ngħaqadt f’gym. Bdejt niġri biex intejjeb il-kundizzjoni tiegħi fl-etá ta’ 40 sena. Il-ragel ta’ oħt il-mara tiegħi, Bernard, li huwa attiv ħafna fl-atletika, ħeġġiġni biex nibda nipprattika dan l-isport b’mod kontinwu, għalkemm ma ngħaqadt fl-ebda klabb (sa issa). F’Mejju ta’ dik is-sena, għamilt l-ewwel tellieqa tiegħi ta’ 5K u minn dakinhar bqajt nikkompeti regolarment fit-tiġrijiet lokali. Wieħed mill-punti ewlenin kien il-parteċipazzjoni fil-London10K f’Lulju 2024, flimkien ma’ 14,000 atleta minn madwar id-dinja. Il-ġirja mit-toroq ewlenin u postijiet ikoniċi ta’ Londra kienet esperjenza inkredibbli għalija!
X’suċċessi maġġuri ksibt tul il-karriera tiegħek sa issa?
Li għadni kemm bdejt mhux aktar minn sentejn ma nistax ngħid li kelli xi suċċessi partikolari iżda kull tiġrija nipprova nagħmel mira u nimbotta lili nnifsi biex nikseb il-hin mixtieq. S’issa l-aħjar ħinijiet tiegħi huma 21:32 għall-5K / 44:55 għall-10K u 1:45 għan-nofs maratona. Din is-sena qed nipprova ntejjeb dawn il-ħinijiet imma bħalissa qed insofri minn injury li qed ixxekkel it-taħriġ tiegħi.
Kemm tgħinek l-atletika mil-lat fiżiku u psikoloġiku?
L-atletika għenitni ħafna kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mill-aspett psikoloġiku. Wara li għalaqt l-40 sena, ħassejt li huwa importanti ħafna li nerġa’ nkun attiv u ladarba tibda timbotta lilek innifsek faċilment tirrealizza li ġismek m’għadux dak ta’ adoloxxenti.
Jien dejjem niżgura li nalloka mill-inqas siegħa ta’ taħriġ kuljum tkun fil-gym jew barra niġri jew xi drabi anke d-dar fuq it-‘treadmill’. Minn punt psikoloġiku kien ta’ benefiċċju kbir saħansitra aktar minn aspett fiżiku. Jiena nahdem fl-Industrija tal-Ospitalità bħala maniġer u t-tip tax-xogħol tiegħi huwa 24/7. B’hekk dan l-isport għeni ħafna biex insib ftit tal-ħin għalija – ħin biex naqta’ ftit mill-isfidi ta’ kuljum.
Kif tqis il-livell tal-atletika fil-preżent?
Jien żgur m’għandiex il-kredenzjali li nagħti ħarsa xierqa tax-xenarju tal-atletika f’Malta iżda minn perspettiva ta’ dilettant, nara li huwa sport li qed isir popolari aktar u aktar; speċjalment minn nies ta’ età ta’ 30+ u aktar.
Tajjeb li tara li prattikament kwazi kull tmiem il-ġimgħa ssir xi ‘road race’ li tiġi organizzata minn assoccazzjoni jew individwi differenti. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil dawn in-nies li b’ħafna dedikazzjoni u ħidma sfieqa jżommu dan l-isport għaddej f’Malta u Għawdex u nemmen bis-sħiħ li nies bħal dawn jeħtieġu aktar rikonoxximent u fejn possibbli aktar għajnuna mill-entitajiet lokali sabiex niżguraw li avvenimenti bħal dawn jiġu kkonsolidati aktar u n-numru ta’ parteċipanti jkompli jikber.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Żgur aktar snin ta’ ġiri u li nipprova jkolli aktar opportunitajiet biex nikkompeti f’avvenimenti barra minn xtutna u nħajjar aktar nies jieħdu sehem f’dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Żgur li nħeġġeġ lil kulħadd biex jikonsidra jieħu dan l-isport b’serjetá. L-attivitajiet sportivi kollha huma ta’ benefiċċju kbir u nemmen bis-sħiħ li l-isport tal-atletika huwa wieħed mill-aħjar modi biex iżżomm attiv u wkoll mod perfett biex tiltaqa’ ma’ nies minn oqsma differenti tal-ħajja u tagħmel ħbieb ġodda. Qatt mhu tard li wieħed jibda! Id- determinazzjoni u l-konsistenza huma fundamenti importanti u żgur li l-atletika hija dixxiplina li ssaħħaħ dawn il-prinċipji fil-ħajja tal-bniedem.
Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil marti Amanda u tewmien tagħna Hazel u Naia għall-appoġġ kollu li jagħtuni u l-inkoraġġiment. Dan Ifisser ħafna għalija li jkolli l-appoġġ u s-sostenn tagħhom, kif ukoll lilek ta’ din l-opportunitá kif ukoll tas-sapport tiegħek b’ dawn l-artikli li permezz tagħhom iżżomm l-interess ħaj ta’ dan l-isport mal-pubbliku inġenerali. Grazzi!