Sunday, November 24, 2024

Id-Dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fl-1920

Aqra wkoll

Fil-ktieb “Karmenu Bonavia and His Writings” it-Tieni Volum,paġni 243-247, f’kitba bl-isem The Christmas Eve Procession, Karmenu Bonavia jagħmel distinzjoni netta dwar il-purċissjoni tal-1920, bħala l-Ewwel Esperjenza Spontanja, minn Dun Ġorġ (paġna244) fejn kien issellef il-Bambin mill-Knisja tas-Samra, viċin fejn kien hemm il-Museum tal-Ħamrun numru 1.

Fil-ktieb li kont ħriġt mar-Rettur ta’ dak iż-żmien, il-Kanonku Andrew Borg fl-2021, “Dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied – Il-Bambin meqjum fis-Santwarju ta’ Atoċja użah il-Qaddis Dun Ġorġ Preca fl-ewwel Dimostrazzjoni fil-Ħamrun fil-Milied 1920”, kienu ġew iddokumentati f’60 paġna, il-fatti li kien kiteb dwarhom l-istess Bonavia fl-2007 meta huwa ppubblika l-Ktieb tiegħu “Wirt Dun Ġorġ f’Ħaż-Żabbar” f’paġna 4.

Imbagħad fit-Tieni Volum diġà msemmi, f’paġna 244, tissemma l-Purċissjoni Uffiċjali, li Dun Ġorġ, fis-soltu laqgħa ġenerali ta’ kull ġimgħa, kien talab lill-membri tat-tliet Oqsma: Marsa, Blata l-Bajda u l-Ħamrun, li kienu jiltaqgħu f’6, Triq Fra Diegu, biex jagħmlu Dimostrazzjoni mat-toroq tal-Ħamrun, bil-Bambin tal-Milied għall-unur ta’ Ġesù Kristu Salvatur.

Mela, l-ewwel Dimostrazzjoni spontanja, saret bil-Bambin tal-knisja tas-Samra. Dan kollu huwa muri fuq irħama mal-istess Bambin li tinqara hekk: “Bambin użat minn San Ġorġ Preca fid-Dimostrazzjoni tal-Milied fil-Ħamrun1920” (paġna 10).

Barra minnhekk fis-Santwarju tas-Samra, fin-nofs tal-knisja, tinsab lapida fl-art li tfakkar l-ewwel Ċentinarju tal-ġrajja li tgħid hekk: “Il-Komunità tas-Santwarju mmexxija mill-Kurat, il-Kanonku Andrea Borg tfakkar bil-ferħ, l-ewwel Ċentinarju tad-Dimostrazzjoni tal-Milied, fl-24 ta’ Diċembru 1920 fil-Ħamrun mitluba minn San Ġorġ Preca, li uża x-xbieha tal-Bambin Ġesù, li huwa hawnhekk ivvenerat” (paġna 56).

Sena wara, fl-1921, saret Dimostrazzjoni oħra bil-Bambin misluf mingħand il-Franġiskani Konventwali ta’ Strada Rjali tal-Belt Valletta, mit-tliet Oqsma msemmija aktar qabel. Fl-istess sena, din id-Dimostrazzjoni saret ukoll mill-għoxrin Qasam tal-Museum li laħqu nfetħu sal-1921.

Setgħu jagħmluha biss dawk l-Oqsma li kienu diġà organizzati sewwa b’numru ta’ tfal u membri (paġna 24). Din hija l-ġrajja vera taż-żewġ Dimostrazzjonijiet separati b’sena bejniethom (1920 u 1921), kif dokumentati mill-istoriku Karmenu Bonavia, anki fis-Sunday Times tat-2 ta’ Dicembru 2007, paġni 6 u 7, u mxandra wkoll fil-ktieb tiegħu, “Wirt Dun Ġorġ f’Ħaż-Żabbar” paġni 4 sa 8, filwaqt li din il-ġrajja hija miġbura fi ktieb ieħor: “Dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied – Il-Bambin meqjum fis-Santwarju ta’ Atoċja użah il-Qaddis Dun Ġorġ Preca fl-ewwel Dimostrazzjoni fil-Ħamrun fil-Milied 1920”.

Huwa tajjeb li nfakkru dawn il-ġrajjiet, hekk kif se niċċelebraw dan iż-żmien sabiħ tal-Milied, fejn niftakru fit-twelid ta’ Ġesù Bambin. Wara kollox, dak li qed nagħmel, hu li nxandar mill-ġdid ir-riċerka li għamel bl-akbar reqqa l-istoriku Karmenu Bonavia. 

Kull min jixtieq kopja ta’ dan il-ktieb “Dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied – Il-Bambin meqjum fis-Santwarju ta’ Atoċja użah il-Qaddis Dun Ġorġ Preca fl-ewwel Dimostrazzjoni fil-Ħamrun fil-Milied 1920”, jista’ javviċina lili billi jibgħatli fuq [email protected] jew mob: 9987 9497.

Dan il-ktieb mhux qed jinbiegħ, imma qed tintalab donazzjoni libera, flimkien ma’ ħlas biex jintbagħat bil-posta li huwa ta’ ewro għall-bolla u l-envelopp. Id-donazzjoni tista’ tintbagħat lil Malcolm Schembri 53, Triq Castaldi Ħaż-Żabbar. 

Baqa’ biss numru limitat ta’ kopji u għalhekk aħseb kmieni biex ma tkunx diżappuntat! Jekk id-donazzjoni se tkun taħt il-€21, tintbagħat b’ordni postali, filwaqt li ’l fuq minn €20, tista’ ssir permezz ta’ ċekk biex ikun jista’ jissarraf. M’għandhomx jintbagħtu flus kontanti. Grazzi ħafna tal-interess tagħkom.

Sport