Tuesday, April 23, 2024

“Id-dinja hija fil-periklu” 

L-isfidi huma l-bdil fil-klima, il-faqar u l-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Huwa diffiċli biex wieħed ma jitħassibx u li jdawwar wiċċu ‘l bogħod mir-realtà li l-umanità għandha quddiem wiċċha. L-għarfien u l-kuxjenza huma meħtieġa biex tittieħed azzjoni u bħalissa l-azzjoni li hemm bżonn fejn tidħol is-sitwazzjoni globali hija urġenti. Bħala popli ta’ dinja waħda qegħdin niffaċċjaw sfidi serji bl-akbar ta’ theddida jkunu l-bidla fil-klima deskritta bħala “inkontrollabbli”, il-faqar li jista’ jkun indirizzat jekk jitwarrab l-egoiżmu u l-gwerer b’dik preżenti tant taħraq li hemm il-biża’ li se tinfirex bejn aktar pajjiżi b’konsegwenza katastrofika ta’ probabbiltà tat-Tielet Gwerra Dinjija. 

Wieħed jistaqsi imma kif jista’ jkun? X’inhu jiġri? Għala fis-seklu 21 fejn suppost il-komunità dinjija hija avvanzata, ċivilizzata u mogħnija b’aktar dehen qegħdin ngħaddsu rasna u neqirdu lilna nfusna? Ma baqax iż-żmien li nistaqsu jew nissuġġerixxu. M’għadux iż-żmien tal-paroli iżda ta’ azzjoni. Din l-urġenza kienet ikkonfermata fid-diskors tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (UN), Antonio Guterres, li fl-indirizz tiegħu wissa li “id-dinja tagħna hija fil-periklu”. 

Ma jistax ikun li nkomplu sejrin hekk…

Fil-laqgħa annwali tal-mexxejja dinjin li attendew is-77 assemblea ġenerali tal-UN imtella’ fi New York li Malta hija parteċipanta wkoll, Guterres insista li “ma jistax ikun li nkomplu sejrin hekk”. Dan il-kliem ta’ tħassib qalu proprju f’perjodu li fih l-Ewropa tinsab fl-ewwel konflitt serju li qatt kellha mit-Tieni Gwerra Dinjija. Dan minħabba li l-pajjiżi militarment b’saħħithom u ewlenin fid-dinja qegħdin jaraw kif ixejjnu lir-Russja, jagħtu s-sostenn tagħhom lill-Ukrajna u jimmitigaw il-konsegwenzi ta’ gwerra.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UN wassal l-assessjar tal-affarijiet internazzjonali xejn pożittiv f’din l-assemblea ġenerali li bdiet fit-13 ta’  Settembru u se tagħlaq fis-27 ta’ dan ix-xahar stess. Huwa qal lill-mexxejja dinjin li ngħaqdu personalment għal din l-assemblea għall-ewwel darba fi tliet snin, li d-dinja bħalissa hija pparalizzata.

“Ninsabu maqbudin f’morsa ta’ disfunzjoni globali kolossali. Il-komunità internazzjonali mhiex ippreparata jew lesta li tiffaċċja l-isfidi li għandha inkluż dawk tal-bdil fil-klima, faqar u gwerra. Iċ-charter u l-ideali li tirrappreżenta l-Ġnus Magħquda huma mhedda u għandna d-dover li nieħdu azzjoni,” insista Guterres.

“Investu f’politika li tippromwovi l-paċi”

Fi Frar li għadda t-truppi Russi bdew invażjoni fl-Ukrajna wara li dawn kien ilhom ħames xhur isaħħu l-preżenza militari tagħhom fil-konfini eks Sovjetiċi. Il-konflitt diġà sewa l-ħajja ta’ aktar minn 6,000 ċivili u kisser kompletament l-ibliet industrijali tal-Ukrajna. 

Is-sitwazzjoni ggravat b’periklu ta’ eskalazzjoni hekk kif rapporti qalu li d-dinja tista’ tkun f’xifer ta’ gwerra dinjija. Dan wara li Putin immobilizza 300,000 suldati ta’ riserva u wissa li jekk ikun hemm theddida fuq ir-Russja, huwa lest li juża l-bombi nukleari li għandu.

“Diviżjonijiet ġeopolitiċi qegħdin ixekklu l-ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà, ixejnu l-liġi internazzjonli, idaħlu dubji u jnaqqsu l-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet demokratiċi b’konsegwenza li qiegħda titkisser f’kull forma l-koperazzjoni intenazzjonali,” kompla Guterres.

B’espressjoni ta’ tensjoni u tħassib  fis-sala tal-assemblea ġenerali aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Segretaru Ġenerali tal-UN insista għal darba darbtejn li ma jistax ikun li nkomplu sejrin hekk.

Barra t-theddida tal-gwerra fl-Ukrajna, il-Kap tal-Ġnus Magħquda ħeġġeġ lill-mexxejja dinjin biex jindirizzaw “bis-serjetà” problemi li ilhom fuq rasna, jiġifieri dawk tal-bidla fil-klima, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u l-faqar estrem. Guterres imbotta lill-istess mexxejja biex jinvestu f’politika li tippromwovi l-paċi madwar id-dinja.

F’elenku ta’ twissijiet, huwa temm billi qal li, “il-fiduċja qiegħda tintilef, l-inugwaljanza qiegħda tisplodi u l-pjaneta tagħna qiegħda tinħaraq… litteralment. Ejjew naħdmu flimkien bħala koalizzjoni tad-dinja, bħala Ġnus Magħquda”.

Fuq xiex wissa Guterres? 

Il-gwerra fl-Ukrajna u l-periklu minn attakk nukleari:

* Għadd ta’ Russi ġew arrestati talli pprotestaw meta li Putin ħabbar li se jimmobilizza suldati fost in-nies tiegħu;

* L-eks President Russu, Dmitry Medvedev, wissa li l-armi strateġiċi nukleari jistgħu jintużaw biex jiddefendu territorji ġodda tar-Russja;

* L-alleati tal-Punent u Kyiv ikkundannaw referendums li bdew mill-bieraħ f’partijiet Ukreni okkupati mir-Russja. Dawn jinkludu Donetsk, Luhansk, Kherson u provinċji ta’ Zaporizhzhia, kif ukoll parti mill-provinċja ta’ Mykolaiv;

* Il-Ġermanja ħabbret li lesta tilqa’ Russi li jitilqu l-pajjiż tagħhom. Pajjiżi oħra fl-Ewropa qegħdin jippreparaw biex jagħlqu l-konfini tagħhom għal dawk li se jippruvaw jaħarbu mill-armata;

* Huwa rrapportat li Putin għadda liġi sigrieta li tagħti lok biex miljun Russu jissejħu fl-armata;

* L-alleati tan-NATO iddikjaraw li mhux se jirrikonoxxu artijiet Ukreni maħtufa “illegalment” mir-Russi;

* Putin ġie kkritikat minn nies stess talli rrilaxxa bi ftehim mal-Ukrajna 300 priġunieri tal-gwerra;

* L-Indja, li żiedet ix-xiri tagħha taż-żejt u l-faħam mir-Russja minn mindu bdiet il-gwerra, talbet li jinstab ftehim ta’ paċi;

* Fil-Polonja qegħdin jinxtraw aktar pilloli bil-kimika “iodine” minħabba biża’ ta’ espożizzjoni ta’ raġġi radju attivi;

* Il-Filandja qiegħda tikkonsidra wkoll li ma tħallix Russi jidħlu fil-pajjiż.

* Ir-Russja hija qawwa militari b’saħħitha ħafna u huwa stmat mill-Federazzjoni ta’ Xjenzati Amerikani, li għandha xejn inqas minn 5,977 bomba nukleari. Preżentament hemm 1,588 minnhom li huma deployed, jiġifieri ppreparati għal kull eventwalità;

* Skont studju minn xjenzati fl-Università Rutgers, konflitt nukleari li jinvolvi inqas minn 3% tat-total tal-iskorta mondjali jista’ joqtol terz tal-popolazzjoni dinjija f’perjodu ta’ sentejn;

* F’App online bl-isem ta’ “NukeMap” persuni mħassba qegħdin jiċċekkjaw xi probabbiltajiet u konsegwenzi jista’ jkun hemm jekk pajjiżhom jew oħrajn jintlaqtu minn bombi differenti inklużi dawk nukleari.

Bidla fil-klima li tista’ tiħrax:

* It-temperatura medja globali żdiedet ħafna mill-evoluzzjoni industrijali. Bejn l-2011 u l-2020 kienu l-aktar snin sħan fl-Istorja kemm ilha tinġabar l-informazzjoni. Mill-aktar 20 sena sħan, 19 minnhom kienu mis-sena 2000;

* Informazzjoni mill-Copernicus Climate Change Service turi li l-2020 kienet ukoll l-aktar sena sħuna fl-Ewropa;

* Il-maġġoranza tal-evidenza tindika li ż-żieda fl-emmissjonijiet ikkawżati mill-bniedem qiegħda tikkawża l-bidla fil-klima;

* Iż-żieda medja fit-temperatura hija ta’ bejn 0.95 sa 1.20 gradi celcius għola minn dawk irreġistrati fis-seklu 19;

* Ix-xjenzati jemmnu li żieda ta’ żewġ gradi celcius ikkomparati ma’ temperaturi rreġistrati qabel l-industrijalizzazzjoni hija perikoluża ħafna b’konsegwenzi katastrofiċi;

* Għal snin sħaħ ix-xjenzati wissew katastrofi ambjentali f’każ ta’ gwerra nukleari hekk kif in-nirien ikkawżati mill-isplużjoni jimblokkaw id-dawl tax-xemx u jingħata bidu għal effetti ħżiena ħafna fuq l-ambjent madwar id-dinja kollha;

* F’sitwazzjoni fejn il-bidla fil-klima diġà qiegħda twassal għal nirien bla kontroll, għargħar kbir u ċikluni fost l-oħrajn, gwerra nukleari taċċenwa dawn l-effetti u żżid magħhom radju attività, trabien u rilaxx ta’ enerġija li jkissru aktar lill-ambjent;

* L-irkupru ambjentali mondjali wara gwerra mondjali jista’ jdum bejn tliet u 10 snin;

* Armi nukleari ntużaw biss darbtejn fl-Istorja – f’Hiroshima u Nagasaki fl-1945 u huma l-aktar armi perikolużi fid-dinja. Waħda tista’ teqred belt sħiħa b’potenzja li toqtol miljuni ta’ nies u speċi ta’ annimali bi ħsara kbira fl-ambjent li ddum għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Faqar estrem:

* Il-gwerra fl-Ukrajna u konflitti oħra madwar id-dinja se jkomplu jkunu ta’ sfida biex ikun hemm aċċess ta’ ikel aħjar u biżżejjed produzzjoni fl-2023;

* Wara xhur ta’ gwerra l-prezzijiet tal-ikel żdiedu b’mod speċjali fil-pajjiżi l-fqar bi tħassib li l-affarijiet se jiggravaw fir-rigward;

* Ir-Russja u l-Ukrajna flimkien jesportaw 30% tal-esportazzjoni mondjali ta’ qamħ u 63% taż-żerriegħa ġirasol. Minkejja żieda fl-esportazzjoni minn pajjiżi oħra fosthom l-Indja, skont l-esperti din is-sena diġà kien hemm nuqqas ta’ tliet miljun tunellata ta’ qmugħ;

* Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fertilizzanti jistgħu jżidu l-ġuħ fost mijiet ta’ miljuni ta’ nies u jżid ħafna l-figura diġà gravi ta’ 811 miljun persuna li fl-2020 ġew irreġistrati li m’għandhomx ikel;

* Din l-aħħar figura kompliet tiżdied minħabba l-pandemija tal-Covid-19 fejn fl-2021 żdiedet b’aktar minn 100 miljun persuna oħra bil-ġuħ;

* Skont studju riċenti mill-Organizzazzjoni tal-Agrikultura u l-Ikel tal-UN (FAO) u l-World Food Programme (WFP) madwar 193 miljun persuna f’53 pajjiżi differenti fl-2021 kellhom bżonn urġenti ta’ assistenza fl-ikel, kawżi 40 miljun aktar mill-2020;

* Twissijiet ta’ ġuħ estrem għadhom deħlin mill-Afganistan, l-Ethiopia, in-Niġerja, is-Somalja, is-South Sudan u l-Yemen;

* Jekk l-Istati Uniti u r-Russja jattakkaw lil xulxin b’armi nukleari jkun hemm katastrofi fis-sistemi tat-tqassim tal-ikel u hemm il-biża’ li jistgħu jmutu aktar minn ħames biljun persuna bil-ġuħ.

Sport