Wednesday, April 24, 2024

Id-Direttiva Omnibus għal aktar protezzjoni lill-konsumatur

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Aktar kmieni dan ix-xahar fil-Parlament bdejna niddiskutu fi stadju tat-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u Liġijiet oħra dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur. Dan biex tkun trasposta fil-liġijiet tagħna Direttiva tal-Unjoni Ewropea, imsejħa Direttiva Omnibus. L-għan ewlieni tagħha huwa li timmodernizza r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumatur sabiex ikopru oġġetti diġitali u s-servizzi diġitali. Taħseb ukoll biex jissaħħaħ l-infurzar fejn ikun hemm ksur mifrux fl-Unjoni Ewropea.

Ix-xejra u l-istatistika llum qegħdin juruna li mexjin lejn is-sistema ta’ xiri onlajn. Statistika Ewropea turina li s-sena li għaddiet fl-Ewropa kollha 74% ta’ dawk li jkunu onlajn xtraw xi ħaġa minn fuq l-internet. Persentaġġ li juri żjieda ta’ 11% f’xiri ta’ affarijiet u servizzi ta’ kull xorta meta mqabbla mas-sena 2016. 

Żieda konsiderevoli li minnha nnifisha titlob il-bżonn ta’ qafas legali, anke fuq livell Ewropew, biex inkomplu naġġornaw il-liġijiet tagħna fejn jidħlu l-interessi tal-konsumatur, b’mod partikolari meta jsir xiri onlajn.

Mhux faċli fi spazju limitat tidħol fid-dettall tad-Direttiva Omnibus, direttiva teknika ħafna. Fil-Parlament għamilna diskussjoni biex finalment indaħħlu 24 emenda differenti fil-liġijiet tagħna li rreferejt għalihom aktar ‘il fuq. Emendi li, b’xi mod jew ieħor, bihom se nkunu qegħdin inħarsu, nissalvagwardaw aktar id-drittijiet tal-konsumatur.  Tmienja minn dawn l-emendi se jkunu jikkonċernaw l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur; tlieta fir-Regolamenti dwar il-Prezzijiet Indikati fuq il-Prodotti jew Servizzi u 13-il waħda fir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur

Permezz tagħhom se nkunu qegħdin insaħħu ind-dritt tal-konsumatur meta jixtri onlajn, se jkun assigurat li l-prezz indikat ikun dak li qegħdin iħallsu għalih  u li dawk li jissejħu ‘reviews’ li nsibu onlajn ikunu verament ġenwini u mhux ikun sar xi ħlas għalihom biex sempliċiment jiddaħħlu bil-għan li jattiraw aktar l-attenzjoni tal-konsumatur.

Nagħti ftit eżempji dwar il-protezzjoni li se tkun qed toffri d-Direttiva Omnibus. Qed ikun stabbilit li fejn kummerċjant jipprovdi aċċess għal ‘reviews’ tal-konsumatur dwar prodotti jew servizzi, il-konsumatur irid jingħata l-informazzjoni dwar jekk u kif il-kummerċjant jiżgura li r-‘reviews’ ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt verament użaw jew xtraw il-prodott. Bħal fil-każ tal-klassifikazzjoni tal-offerti, f’każ li l-‘platforms onlajn’ jew il-kummerċjanti ma jimxux ma’ dawn l-obbligi, dawn huma wkoll meqjusin bħala prattiċi ‘blacklisted’.

Hemm ukoll il-protezzjoni fejn jirrigwarda xiri ta’ biljetti ta’ avvenimenti bħal kunċerti u partiti tal-football f’kompetizzjonijiet ta’ stoffa. Qed jiġri li jkun hemm kummerċjanti li permezz ta’ mezzi awtomatizzati magħrufin bħala ‘bots’ jixtru kwantità ta’ biljetti biex imbagħad jerġgħu jbiegħuhom b’mod li jiksru l-limiti jew regoli oħrajn stabbiliti mill-bejjiegħ primarju tal-biljetti, xi ħaġa li tkun riflessa fid-differenza tal-prezz tal-biljett minn dak li oriġinarjament inxtara bih.

Emenda partikolari titratta prattiċi kummerċjali meqjusin bħala ‘azzjonijiet qarrieqa’. Se jkun stabbilit li ma jistax ikun hemm kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett fi Stat Membru wieħed, bħala identiku għal oġġett kummerċjalizzat fi Stati Membri oħrajn meta dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi tiegħu, sakemm dan ma jkunx ġustifikat minn fatturi leġittimi u oġġettivi.

Huwa stat ta’ fatt li ħafna konsumaturi jużaw servizzi diġitali ‘b’xejn’, bħal ‘cloud services’ jew midja soċjali li ma jħallsux għalihom imma minflok jipprovdu d-data personali tagħhom lill-fornituri tas-servizzi. Issa, permezz tal-emendi miżjuda, il-konsumaturi għandhom l-istess drittijiet daqs meta jħallsu għal xi servizz diġitali. Fost oħrajn il-konsumatur irid jingħata informazzjoni ċara dwar diversi aspetti fosthom il-karatteristiċi ewlenin tas-servizz, it-tul tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet tat-terminazzjoni. Il-konsumatur ikun jista’ wkoll jikkanċella l-kuntratt onlajn fi żmien 14-il ġurnata mingħajr ma jipprovdi raġuni.

L-emendi li se nkunu qegħdin indaħħlu jkopru wkoll protezzjoni aħjar kontra prattiċi mhux ġusti ta’ bejgħ fuq l-għatba tal-bieb u vjaġġi promozzjonali organizzati minn kummerċjant.

Fir-rigward tal-perjodi tas-‘sales’ l-emendi jaħsbu biex ikun assigurat li t-tnaqqis fil-prezz ikun tassew ġenwin. Kummerċjant se jkun obbligat li fuq it-tabella jindika kemm kien ukoll il-prezz tal-prodott 30 jum qabel. Jaħsbu wkoll għal żjieda fil-pieni għal min jirriżulta li jkun abbuża filwaqt li se tkun estiża l-preskrizzjoni minn erba’ xhur għal sena mid-data tat-twettiq tar-reat, ta’ minn meta għandhom jinbdew il-proċeduri peress li fil-prattika erba’ xhur huwa żmien pjuttost qasir.

Irrid inrodd il-ħajr lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għas-sehem tagħha kemm lokalment kif ukoll fuq livell Ewropew f’dan kollu filwaqt li nappella lil kull konsumatur jirrikorri għandha għal kull forma ta’ għajnuna.

Sport