Friday, October 4, 2024

Id-drittijiet umani huma wkoll drittijiet tal-persuni LGBTIQ+

Aqra wkoll

Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ ġew iċċelebrati fit-tielet edizzjoni tal-Gozo Pride, organizzat mill-LGBTI Gozo.

Il-Pride March fir-Rabat Għawdex jissinifika l-mixja kultant diffiċli li din il-komunità kellha tagħmel biex jingħelbu l-preġudizzji u tikseb ir-rispett u d-drittijiet tagħha.

Matul il-jum tas-Sibt saru diversi attivitajiet fil-ġonna ta’ Villa Rundle fejn fost oħrajn ingħata tagħrif dwar is-servizzi psiko-soċjali u servizzi speċjalizzati oħrajn għal persuni LGBTIQ+ u l-familji tagħhom.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri qal li l-Pride March hi ċelebrazzjoni tal-imħabba, tad-diversità, l-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Ministru Camilleri rimarka kif tul dawn l-aħħar snin, saru kisbiet enormi f’dan is-settur iżda sfortunatament, xorta għad insibu ostakli f’din il-mixja.

Filwaqt li ta ħarsa storika lejn il-kisbiet tad-drittijiet li l-komunità LGBTIQ+ għamlet f’pajjiżna, l-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li tissokta l-mixja għall-ugwaljanza.

“Il-Pride March hi ċelebrazzjoni però, aktar minn hekk hija wirja ta’ għaqda u solidarjetà ma’ kull persuna li tappartjeni f’din il-komunità, b’mod partikolari dawk li għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew għadhom jiġu emarġinati” ikkonkluda l-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg spjegat kif Malta għamlet passi kbar ‘il quddiem biex illum pajjiżna għandu l-aqwa liġijiet fl-Ewropa li jħarsu d-drittijiet ċivili tal-komunita LGBTIQ+. Madankollu, fadal ħafna iktar xogħol xi jsir biex inkomplu nbiddlu l-mentalitajiet u niġġieldu l-miżinformazzjoni.

Rebecca Buttigieg qalet li din is-sena sar pass ieħor importanti għall-komunita hekk kif, bi ftehim mal-FSWS beda jiġi provdut servizz psiko-soċjali għal individwi u l-familji tagħhom , anke permezz ta’ servizzi ta’ outreach f’Għawdex.

Fi tmiem il-marċ saru wkoll diskorsi minn Antonella Bugeja f’isem LGBTI Gozo u minn Jackie Roberts f’isem Checkpoint li tipprovdi diversi servizzi ta’ għajnuna lill+persuni LGBTIQ+.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport