Monday, May 13, 2024

Identifikat il-pumpier li tilef ħajtu waqt il-qadi ta’ dmirijietu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pumpier li aktar kmieni llum tilef ħajtu wara ħidma biex jiġu kkontrollati nirien fl-inħawi ta’ Pembroke ġie identifikat bħala Joseph Zammit ta’ 48 sena minn Birżebbuga. Zammit ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu u liż-żewġt uliedhom fost ħafna kollegi u ħbieb li għamel matul il-ħidma siewja tiegħu.

Skont l-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li Zammit kien qiegħed ma’ xi pompa meta spiċċa mitluf minn sensih kawża ta’ dak li x’aktarx kien attakk f’qalbu. Madanakollu s’issa għad m’hemm l-ebda konferma dwar dan u l-investigazzjonijiet mistennija jikkonfermaw x’wassal biex ir-raġel spiċċa mitluf minn sensih. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn sħabu u aktar tard minn tim mediku mill-Isptar, iżda sfortunatament kien iċċertifikat mejjet ftit ħin wara.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak fetaħ inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu hemm il-Ministru Byron Camilleri li qal li f’isem il-gvern ta kelma lid-Direttur Ġenerali tal-forza li se jkunu ta’ spalla f’dak kollu li teħtieġ il-familja u l-kollegi f’dan il-mument iebes, il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Sport