Friday, April 26, 2024

Iffirmat 11-il ftehim għal proġetti ambjentali fl-urban mal-kunsilli lokali

Aqra wkoll

Bħala parti mill-impenn tagħna biex inkomplu nipprovdu spazji ħodor għall-familji u biex nindirizzaw l-effetti tal-urbanizzazzjoni, Ambjent Malta qed tinvesti ‘l fuq minn €300,000 għal proġetti ta’ tħaddir urban f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt ċerimonja ta’ ffirmar ta’ ftehimiet għal proġetti ta’ tħaddir urban ma’ 11-il kunsill lokali.

“Dawn il-proġetti ekoloġiċi, fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, għandhom diversi benefiċċji li jvarjaw minn titjib fil-benesseri ġenerali, estetika aħjar u benefiċċji ambjentali. Dawn il-proġetti qed jagħtu lura spazji ħodor miftuħa lill-komunitajiet, li se jservu bħala post fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-familji tagħhom, u b’hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja”, qal il-ministru.

L-entitajiet kollha tal-gvern, b’mod partikolari l-entitajiet fi ħdan il-ministeru – minn Ambjent Malta sal-Awtorità tal-Ippjanar – jeħtieġ li jħaddnu iktar il-kunċett ta’ tħaddir f’kull proġett, minn binjiet kbar sa proġetti tal-kunsilli lokali. In-nies, kif ukoll il-gvern, iridu jaraw proġetti iktar ħodor, iktar ambjentali u iktar sostenibbli fl-urban. B’hekk, l-awtoritajiet iridu jinsistu u jobbligaw it-tħaddir u jaraw li l-proġetti li jiffinanzjaw ikunu tabilħaqq proġetti ħodor, li jkun estetikament sbieħ u li jagħmlu ġid għall-ambjent tagħna”, qal il-Ministru Farrugia. 

Il-ministru stqarr li proġetti bħal dawn itejbu l-valur tal-komunità permezz ta’ benefiċċji estetiċi u ambjentali. Dawn l-ispazji ħodor miftuħa jżidu l-kapital tal-bijodiversità tagħna billi jistabbilixxu flora u fawna partikolari f’postijiet ġodda. Barra minn hekk, proġetti bħal dawn jgħinu lill-komunitajiet fil-ġlieda kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima peress li jnaqqsu t-temperatura ambjentali u b’hekk inaqqsu l-effett gżira ta’ sħana urbana, hekk kif is-siġar u l-veġetazzjoni jkessħu ż-żona permezz tal-umdità li tevapora minnhom.

Il-proġetti huma kif ġej:

Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem

Inħaddru Pjazza Tolfa

Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem qed itejjeb l-ispazju miftuħ li jinsab fiż-żona bl-isem ta’ Pjazza Tolfa. Iż-żona se titkabbar b’madwar 40% u se jkollha dehra ġdida b’kopertura ħadra, 15-il siġra u aktar minn 200 arbuxell. Dan il-proġett se jinkludi bankijiet ġodda, Sistema li ma tiġġenerax tniġġis mid-dawl u bankini li se jkunu inkorporati wkoll bħala parti mill-proġett. L-ispiża globali se tkun iffinanzjata mill-Development Planning Fund (DPF) tal-Awtoritá tal-Ippjanar u l-Urban Greening Scheme ta’ Ambjent Malta. L-għan finali ta’ dan il-proġett huwa li jagħti dehra ġdida u aktar ħadra liż-żona waqt li jirriġenera l-pjazza biex trawwem komunità aktar b’saħħitha.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan

Tisbieħ Ġnien Saver Zarb

Ambjent Malta se tkun qed tiffinanzja parti mill-proġett ta’ Ġnien Saver Zarb li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan se jkun qed jieħu permezz ta’ fondi mid-DPF. Il-proġett se jinkludi pavimentar, għamara, sistema ta’ irrigazzjoni, siġar, u arbuxelli ġodda.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija

Spazji miftuħa f’Santa Luċija

F’Santa Luċija, il-kunsill lokali se jkun qed itejjeb żewġ żoni, Triq Begonja u Triq Ineż Soler, li jinsabu wara l-pjazza ewlenija. Iż-żoni se joffru aktar spazji ta’ rikreazzjoni għar-residenti b’aktar siġar, arbuxelli, bankijiet, u dwal.

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun

Tisbiħ u manutenzjoni ta’ Pjazza San Pawl u Kappillan Muscat

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun se jkun qed jagħti dehra aktar ħadra lil żewġ pjazzez, Pjazza San Pawl u Pjazza Kappillan Muscat, b’diversi qsari li jikkumplimentaw iż-żona li għandhom jagħtu dehra aktar ħadra u pjaċevoli lil dawn iż-żewġ pjazzez iffrekwentati minn ħafna nies.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Tisbiħ Ġnien tal-Belvedere

Il-Ġnien tal-Belvedere li jinsab eżatt barra l-Qanpiena tal-Assedju l-Kbir se jitnaddaf u jittejjeb biex jitgawda mill-pubbliku ġenerali u mit-turisti. Iż-żona toffri waħda mill-isbaħ veduti tal-port u se tinkludi siġar u arbuxelli ġodda u bankijiet ġodda sabiex titgawda din il-veduta unika.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz

Tisbiħ ta’ triq prinċipali li twassal għal pjazza

Il-kunsill Lokali ta’ San Lawrenz se jagħti dehra ġdida u aktar ħadra lil diversi toroq li jwasslu għall-pjazza ewlenija. L-għan huwa li jinħoloq ambjent aktar pjaċevoli b’numru ta’ qsari fit-toroq il-qodma filwaqt li jingħata element aktar ekoloġiku liċ-ċentru tar-raħal.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu

Tisbiħ ta’ Belvedere faċċata tal-Port il-Kbir

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu qed jimmira li jkun aħjar u aktar ekoloġikament sostenibbli billi jitfa ħarstu fuq żewġ belvedere li jħarsu fuq il-Port il-Kbir billi jagħmilhom aktar aċċessibbli għall-komunità. Din iż-żona se tiġi riabilitata b’titjib strutturali tal-garaxxijiet li jinsabu taħt, u li se jippermettu lill-kunsill biex jirriġenera ż-żona b’bankijiet, dwal, bins u planters ġodda.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa

Tisbiħ ta’ Pjazza San Ġorġ Preca u Xatt San Ġorġ

F’Birżebbuġa, il-kunsill lokali se jkun qed itejjeb żewġ żoni, Pjazza San Ġorġ Preca u ix-Xatt ta’ San Ġorġ. Fil-Pjazza San Ġorġ Preca, se tiżdied sistema ġdida ta’ irrigazzjoni li tinkludi sensur tax-xita u umdità. Se jitħawlu ukoll aktar siġar. Iż-żona tax-Xatt San Ġorġ se tingħata pavimentar ġdid u se titkabbar biex takkomoda siġar ġodda tat-tamarisk biex tagħti iktar dell għall-bankijiet il-ġodda li se jiġu installati.

Il-Kunsill Lokali tal-Qala

Żona ta’ rikreazzjoni fi Triq Kunċissjoni

Fi Triq il-Kunċizzjoni, il-Kunsill Lokali tal-Qala se jkun qed itejjeb il-kantuniera ma’ Triq is-Salib b’immaniġġjar aħjar tat-traffiku u jissostitwixxi parti mit-triq fejn jinsab is-salib tal-ġebel f’żona ħadra. L-għan huwa li titkabbar iż-żona pedonali, jiżdiedu s-soft areas filwaqt li jiġi immaniġġjat aħjar it-traffiku, speċjalment lejn il-bajja popolari ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar

Tisbiħ tal-Pjazza

Bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-proġett tal-Pjazza Munxar, il-kunsill lokali applika biex itejjeb iż-żona b’diversi qsari li se jinkludu siġar żgħar u fjuri biex jagħtu dehra aktar ħadra lill-pjazza l-ġdida.

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema

Tisbiħ ta’ Triq Prinċipali Bisazza

Fi triq Bisazza, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema se jkun qed itejjeb iż-żona b’siġar ġodda li huma aktar adattati għaż-żona urbana tal-madwar u se jkun qed jagħmel manutenzjoni tal-qsari u arbuxxelli eżistenti.

Sport