Saturday, May 4, 2024

Athletics Malta tħares ‘il quddiem bl-ewwel Forum Nazzjonali tal-Atletika

Aqra wkoll

Uffiċjali eżekuttivi, amministraturi, kowċis, atleti u persuni oħra mill-qasam sportiv ħadu sehem fl-ewwel Athletics Forum li sar f’pajjiżna organizzat minn Athletics Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Dan il-Forum huwa parti mill-ħidma tal-Federazzjoni biex twassal dan l-isport fil-livell li jixraqlu u serva ta’ mezz biex dawk kollha li huma b’xi mod involuti fih setgħu jagħtu kontribut fi Pjan Nazzjonali ta’ Żvilupp għall-atletika Maltija. L-avveniment sar fil-Lukanda Cavalieri f’San Ġiljan.

Dan il-proċess għandu l-appoġġ ta’ European Athletics li għażlet lil Malta minn 51 Stat Ewropew biex jitwttaq pjan ta’ żvilupp strateġiku individwalizzat. Waqt dan il-Forum, il-parteċipanti ddiskutew l-opinjonijiet tagħhom dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li hemm quddiem l-atleti u l-bidliet meħtieġa biex dan l-isport jiġi żviluppat aktar.

Fost it-temi diskussi kien hemm il-governanza tajba, l-amministrazzjoni, l-infrastruttura, is-sostenibbilità, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ambjent sportiv. Fl-istess waqt, workshop ieħor kien esklussivament iddedikat għall-atleti elite u l-kowċis tagħhom. Dan kien preżentat mill-koordinatur tekniku Mario Bonello u mill-konsulent tekniku Antonio Laguardia, fejn kien ukoll ippreżentat il-konsulent il-ġdid għat-throwing,Nicola Silvaggi.

Andy Grech, President ta’ Athletics Malta ddeskriva l-Forum bħala avveniment importanti u rikonoxximent li l-assoċjazzoni, bħal kull entità, għandha aspetti b’saħħithom u dgħjufijiet, u li kienet kommessa li taħdem fuq dawn tal-aħħar biex tiżgura futur aħjar għall-atletika. Huwa ħabbar li fi Frar 2022, Athletics Malta se tniedi pjan għal ħames snin li ġejjin u l-qafas li permezz tiegħu fi ħsiebha tmexxi l-isport ‘il quddiem.

Is-Segretarju Parlamentari għall-iSport, Dr Clifton Grima saħaq li l-għan ta’ pajjiżna huwa rekord ta’ midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru fl-2023 f’pajjiżna. Dr Grima insista li l-atleti Maltin għandhom il-potenzjal li jilħqu l-ambizzjonijiet tal-awtoritajiet iżda kien hemm bżonn ta’ sforz kollettiv biex jinkisbu dawn ir-riżultati.

Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta ngħaqad mas-Segretarju Parlamentari f’appell lil dawk kollha involuti biex jaħdmu flimkien biex l-isport tal-atletika jkompli jikber f’Malta. Huwa semma kif kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta u Athletics Malta diġà bdiet tħalli l-frott fl-interess tal-komunità atletika u sportiva.

Sport