Friday, December 27, 2024

Ikel, saħħa u sport: Lejla fil-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar 

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Settembru, il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar se jittrasforma ruħu fi spazju għal promozzjoni ta’ ikel, saħħa u sport biex ngħixu ħajja aktar b’saħħitha u sostenibbli.

B’attivitajiet li jibdew fil-5 ta’ filgħaxija, b’ kollaborazzjoni mad-Danusan, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli qed jistieden lilek u l-familja tiegħek għal serata ta’ attivitajiet sportivi u edukattivi għall-familja kollha. 

Din l-attività hija b’xejn u miftuħa għal kulħadd. 

Il-programm huwa wieħed varjat, u dawk preżenti se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ atleti olimpiċi Maltin, fosthom Matthew Abela (badminton), Carla Scicluna u Janet Richard (atletika), u Lacey Aquilina (ibburdjar). L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iskateboard ser tkun qed tagħti wirja ta’ talent. Aktar għaqdiet sportivi jinkludu: l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football, Malta Cricket, Badminton Malta, Special Olympics Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Wheelchair Basketball, u l-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi.

Rappreżentanti tad-Direttorat għal Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard se joffru informazzjoni dwar kif tgħix ħajja b’saħħitha u x’tip ta’ dieta bilanċjata tista’ tiekol. 

Bi promozzjoni għal prodotti ta’ ikel lokali u nutrittiv, se jingħata tagħrif dwar prattiċi ta’ biedja sostenibbli. 

Barra eżebizzjonijiet ta’ ħiliet sportivi, ser ikun hemm ukoll Żumba, logħob għat-tfal, crafts u attivitajiet sportivi u wirja mill-banda tal-iScouts ta’ Ħaż-Żabbar.

L-attività qed tiġi orġanizzata taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea Għall-Iżvilupp Sostenibbli. It-tema ta’ din is-sena hija Insawru Futur Sostenibbli

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku https://sustainabledevelopment.gov.mt/event/lejla-fil-park/ u segwu l-paġna tal-Facebook tal-Iżvilupp Sostenibbli.

Ekonomija

Sport