Sunday, December 22, 2024

Ikkundannat seba’ snin u nofs ħabs wara li sawwat anzjana bit-telefown u seraqha

Aqra wkoll

Keith Cremona ta’ 36 sena ġie kkundannat seba’ snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li seraq anzjana fir-residenza tagħha f’San Ġiljan u kkaġunalha diversi ġrieħi.
Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ f’Lulju tal-2005, meta allegatament Cremona li dak iż-żmien kellu 17-il sena weġġa’ serjament lill-anzjana billi taha daqqa ta’ telefown fuq rasha u anke qalgħalha spallitha minn postha.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, instema’ kif l-anzjana kienet għall-affari tagħha tagħmel il-faċendi tad-dar meta dlonk sabet ruħha mkaxkra u msawta f’rasha minn tlitt irġiel.

Ġie spjegat kif kollox seħħ f’temp ta’ ftit minuti, wara li l-vittma marret tiftaħ il-bieb ta’ barra. Ingħad li s-serqa seħħet 19-il sena ilu u li l-vittma laħqet mietet. Madankollu, hija xorta waħda kienet laħqet tat ix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat u din inqrat quddiem l-Imħallef.

Fix-xhieda tagħha, il-vittma kienet spjegat kif dakinhar li seħħ il-każ, hija kienet qiegħda ssajjar meta ħabbat il-bieb. Xħin fetħet sabet ma’ wiiċċha tlitt irġiel li ma tafhomx. Irrakontat li huma daħlu fuqha, imbuttawha u li waqqgħuha għal tulha fl-art.

Il-vittma spjegat ukoll kif it-tlieta li huma, talbuha l-flus iżda hi qaltilhom m’għandha xejn u li jistgħu jieħdu l-affarijiet. Hija żiedet tgħid li wieħed minnhom qalilha li jrid il-flus kontanti f’idu minħabba li għandu żewġt itfal.

Fil-Qorti, ġie spjegat ukoll kif Cremona kien il-persuna li kaxkarha tul il-kuritur kollu u ħadha fil-kċina, fejn hemm sab chordless telephone u sawwatha f’rasha bih. Il-vittma kienet ukoll spjegat lill-Pulizija li wieħed mit-tlitt irġiel kellu wkoll arma tan-nar

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-investigazzjonijiet bdew mal-ewwel iżda għaddew is-snin meta l-pulizija rċeviet tagħrif kunfidenzjali li l-akkużat kellu sehem f’dan ir-reat. Ġie spjegat ukoll li fid-dar tal-vittma, instabu l-marki tas-swaba ta’ Cremona u li huwa kien tressaq il-Qorti fl-2012.

Intant, il-Qorti t-Tlieta filgħaxija sabitu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu seba’ snin u nofs ħabs.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonett u Kevin Valletta. Għal Keith Cremona dehru l-Avukati Arthur Azzopardi, David Gatt u Ishmael Psaila.

Ekonomija

Sport