“Il-bidu tal-proċess għall-Viżjoni Malta 2050, tnieda waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), f’Ottubru ta’ din is-sena. Dakinhar kont għedtilkom li l-MCESD għandu jkun il-forum prinċipali fejn il-proċess tal-viżjoni jkun diskuss magħkom u għalhekk qegħdin hawn illum, biex nagħtikom rendikont ta’ dak li għamilna matul dawn l-aħħar xahrejn.” Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt li indirizza l-aħħar laqgħa għal din is-sena tal-MCESD li ffukat speċifikament dwar ix-xogħol li qed jitwettaq fuq il-proġett tal-Viżjoni Malta 2050, b’miri strateġiċi għall-2035.
Matul din il-laqgħa, l-imsieħba soċjali ngħataw aġġornament dettaljat dwar ix-xogħol li sar sa issa fuq dan il-proġett importanti fejn flimkien mal-esperti barranin ingaġġati mill-Gvern Malti, ġiet spjegata il-metodoloġija applikata sa issa, u ngħata wkoll rendikont tas-sejbiet inizjali, hekk kif l-ewwel fażi tal-proġett, l-hekk imsejħa status quo, fejn ittieħed rendikont tas-sitwazzjoni preżenti, ġiet prattikament fi tmiemha.
Proprju issa ngħata bidu għat-tieni fażi tal-proġett, il-fażi tat-tfassil proprja tal-viżjoni. Bħala parti minn dan it-tfassil, ġie spjegat kif rappreżentanti tal-Gvern, flimkien mal-esperti, qed jiltaqgħu b’mod individwali mal-imsieħba soċjali kollha, sabiex kollha jkollhom iċ-ċans li jwasslu bl-aktar mod apert, il-ħsibijiet tagħhom. Dawn il-laqgħat qed ikunu kkumplimentati minn għadd ta’ workshops, focus groups, u surveys ta’ natura differenti sabiex it-tfassil ikun riflessjoni tas-sentiment tal-istrati kollha tas-soċjetà Maltija.
Fil-fatt, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, inżamm workshop bil-parteċipazzjoni ta’ għadd sostanzjali ta’ uffiċjali għolja mis-settur pubbliku, fejn iltaqgħu taħt saqaf wieħed u bl-għajnuna ta’ esperti, iddiskutew b’lenti wiesgħa l-isfidi kurrenti u kif jaraw lil pajjiżna fis-sena 2050.
“Flimkien, qed inpoġġu l-pedamenti għal futur sostenibbli, innovattiv, u prosperu, sabiex niżguraw li l-viżjoni fit-tul ta’ Malta tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna. Irridu viżjoni ħolistika li tindirizza l-isfidi, toħloq l-opportunitajiet, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-viżjoni għandha tkun waħda li tilħaq l-aspirazzjonijiet u tirrifletti l-ambizzjonijiet tal-poplu kollu. Qal li din hija viżjoni ta’ poplu wieħed, miż-żgħażagħ sal-anzjani, mit-tfal sal-adulti. Huwa għalhekk li l-imsieħba soċjali issa jridu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar Viżjoni Malta 2050 biex nassiguraw li nħallu pajjiż aħjar għal uliedna.
“Jeħtieġ li l-viżjoni tħaddan dawk il-valuri li jagħmluna Maltin, il-valuri tal-bżulija u tal-perseveranza, li wassluna għal Malta Repubblika ħamsin sena ilu u se jwassluna għal Malta ta’ għada,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.