Monday, August 17, 2026
Home Internazzjonali Ikomplu t-tfittxijiet għall-persuni wara t-terremot fl-Indoneżja

Ikomplu t-tfittxijiet għall-persuni wara t-terremot fl-Indoneżja

0
13

Il-ħaddiema tas-salvataġġ fl-Indoneżja komplew bi tfittxijiet intensivi bit-tama li jinstabu aktar persuni ħajjin wara t-terremot qawwi tas-Sibt li ħalla minn tal-inqas 47 persuna mejta. 

It-terremot ta’ qawwa 7.7 laqat il-gżira ta’ Flores ftit qabel il-5.00 a.m. u kellu fond ta’ 15-il kilometru, skont l-Aġenzija Meteoroloġika u Ġeofiżika tal-Indoneżja.

Rapporti preliminari indikaw li aktar minn 900 dar u mijiet ta’ binjiet oħra ġarrbu ħsarat minħabba t-terremot u l-“aftershocks” li seħħew wara. Madanakollu, l-iskala sħiħa tad-diżastru għadha mhix ċara u l-aħbar ta’ terremot ieħor ta’ qawwa 6.9 fuq in-naħa l-oħra tal-Indoneżja serva bħala tfakkira għaliex dan ir-reġjun hu magħruf bħala “ċ-ċirku tan-nar”. 

Skont l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Diżastri (BNPB), it-theżżiża qawwija tas-Sibt inħasset mir-residenti saħansitra lejn il-punent, sa Bima Regency u l-belt ta’ Bima, iżda l-provinċja ta’ Manggarai hi fost l-aktar żoni miltuqa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here