L-ewwel kontinġent ta’ 20 uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rritornaw Malta wara li kienu ntbagħtu l-Portugall biex jassistu fl-operazzjonijiet kontra n-nirien fil-foresti.

Is-Sibt filgħaxija, huma sabu jilqgħuhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diversi qraba tagħhom inkluż tfal, u anke klieb.
Waqt il-ħidma tagħhom, il-pumpiera Maltin ħadmu mal-kontroparti Portugiżi tagħhom billi għenu fl-operazzjonijiet ta’ rispons għal nirien kbar f’dan il-pajjiż. Dan filwaqt li wrew l-impenn kontinwu ta’ Malta għall-koperazzjoni u s-solidarjetà Ewropea.
Din il-missjoni qiegħda titwettaq permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili. Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza b’mod rapidu u effiċjenti meta pajjiż ikun qed jiffaċċja diżastru naturali jew emerġenza fuq skala kbira.

Permezz tiegħu, pajjiżi Ewropej jistgħu jaqsmu persunal, tagħmir u għarfien speċjalizzat skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż milqut. Il-koordinazzjoni komuni ssaħħaħ il-kapaċità kollettiva tal-Ewropa li tirreaġixxi għal diżastri naturali u tipprovdi għajnuna fejn tkun l-aktar meħtieġa, b’mod koordinat u f’qasir żmien.
Il-pumpiera Maltin issa se jkomplu bil-ħidma tagħhom li jaqdu u jipproteġu l-komunitajiet madwar il-gżejjer Maltin.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu esperjenza f’missjonijiet internazzjonali simili. F’dawn l-aħħar snin, timijiet Maltin assistew f’operazzjonijiet kontra n-nirien u f’risponsi għal emerġenzi fil-Greċja, fit-Türkiye u fil-Libja. Dawn il-missjonijiet jgħinu wkoll lill-uffiċjali jkomplu jsaħħu l-esperjenza tagħhom f’operazzjonijiet internazzjonali kumplessi u ta’ riskju għoli, filwaqt li jiffaċilitaw il-qsim tal-prattiki u l-għarfien ma’ servizzi ta’ emerġenza minn pajjiżi oħra.

