Monday, August 17, 2026
Home Fehmietna Ġest nobbli li jagħti ċans ta’ ħajja lil ħaddieħor

Ġest nobbli li jagħti ċans ta’ ħajja lil ħaddieħor

0
14

Fortunatament il-mentalità tal-poplu Malti qiegħda tinbidel għall-aħjar. Tant hu hekk li kulma jmur qed jiġi aċċettat aktar il-prinċipju tal-għoti tal-organi wara l-mewt. Fil-fatt, ir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani, li ilu mwaqqaf mill-2016, diġà jinkludi aktar minn 30,500 donatur tal-organi rreġistrati. Dan filwaqt li fl-aħħar sentejn u nofs, kien hemm aktar minn 2,410 persuni li ssieħbu f’dan ir-reġistru. 

F’dan il-kuntest, irridu ninnutaw li dan ir-reġistru, li jitmexxa mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, huwa rendikont legali uffiċjali tax-xewqa tal-individwi dwar id-donazzjoni tal-organi. Bl-għan tiegħu huwa li jirrispetta l-awtonomija personali, jipprovdi ċarezza lill-professjonisti tas-saħħa u jiffaċilita d-donazzjoni sigura u etika ta’ organi u tessuti għal skopijiet ta’ trapjant. 

Bla dubju ta’ xejn li d-donazzjoni tal-organi huwa ġest nobbli li jagħti ċans ta’ ħajja lil ħaddieħor. Dan l-aħħar smajna wkoll b’diversi stejjer ta’ qraba ta’ donaturi tal-organi li tkellmu dwar l-appoġġ li kienu rċevew mill-ħaddiema tal-isptar wara li saru jafu li l-organi tal-għeżież tagħhom li tilfu ħajjithom setgħu jingħataw biex jgħinu lil pazjenti oħrajn. 

Għaldaqstant, dan huwa aspett ieħor tal-ġenerożità li l-Maltin huma magħrufin għaliha. Min-naħa l-oħra, nifhmu li xi ħadd isir donatur ta’ organi hija wkoll deċiżjoni personali għall-aħħar. U kif diġà għedna aktar qabel, is-sistema preżenti hi tali u sensibbli li permezz tagħha, kull min jixtieq jagħti dan ir-rigal ta’ ħajja, jista’ jagħmel dan b’mod liberu.

Dan is-sens ta’ ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi narawh ukoll jispikka meta jsiru appelli biex jingħata d-demm. L-għoti tad-demm jibqa’ importanti għaliex iservi mhux biss biex jiġu salvati l-ħajjiet imma wkoll għall-fejqan ta’ ħafna pazjenti. U b’sodisfazzjon ninnutaw li kull meta jsir appell f’dan is-sens, il-poplu jikkonkorri bi ħġaru. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here