“Ebda ħajja mhi għall-iskart”

- l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi 

Aqra wkoll

“F’din il‑festa ta’ Santa Marija, hi tidher quddiemna bħala mara li waslet għall‑milja tagħha. Il‑ħajja tagħha ma spiċċatx fil‑qabar. Il‑ġisem tagħha, li Alla ħoloq, li Marija tat lill‑Iben ta’ Alla, u li bih hija għexet il‑fidi, ġie milqugħ fil‑glorja,” qal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt il-pontifikal fil-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s‑Sema, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Ħ’Attard.

L‑għajnejn ta’ Marija: ħarsa lejn is‑Sema

L-Isqof Awżiljarju qal li Marija taf minn fejn ġejja u taf fejn sejra. F’dinja li ħafna drabi tħares biss lejn l‑art – lejn dak li hu immedjat, lejn dak li jagħtini pjaċir, lejn dak li jġibli kumdità, lejn dak li jiswa skont il‑flus, is‑suċċess jew l‑utilità – Marija tgħallimna nerfgħu għajnejna ’l fuq. Minn Alla jiġina l‑veru ġid.

“Għax hu meta nħarsu lejn is‑Sema li nagħrfu min hu tassew il‑bniedem. Jekk il‑bniedem ma jibqax jidher bħala kreatura maħluqa xbieha ta’ Alla, allura l‑valur tiegħu jibda jitkejjel skont kemm hu b’saħħtu u għandu poter, kemm għand flus, kemm hu produttiv, kemm hu indipendenti, jew kemm jista’ jagħti lis‑soċjetà. Imma quddiem Alla mhux hekk. Il‑valur tal‑bniedem ma jibdiex minn dak li jista’ jagħmel. 

“Jibda mill‑fatt li hu maħluq minn Alla u maħbub minnu. U għalhekk il‑ħajja umana għandha dinjità li ma nistgħu qatt inneħħuha. Ukoll meta l‑bniedem ikun għadu ma twelidx, imma jkun diġà jeżisti. Ukoll meta jkun marid, jew anzjan ħafna u dgħajjef, jew meta jkun qed ibati. Ukoll meta ma jkun jista’ jagħmel xejn.

“Minn meta tibda l‑ħajja fil‑ġuf tal‑omm sal‑aħħar nifs tagħha, kull ħajja umana tibqa’ għażiża, tibqa’ maħbuba minn Alla, tibqa’ għandha dinjità li ħadd ma għandu d‑dritt jisirqilha. Marija, bl‑għajnejn tagħha lejn is‑Sema, tagħtina dan il‑messaġġ qawwi: itfgħu ħarsitkom lejn Alla, u hu jgħinkom tħarsu lejn kull bniedem kif iħares lejh Alla,” kompla l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

 L‑idejn miftuħa: ħajja li tilqa’

Stqarr li imbagħad naraw l‑idejn miftuħa ta’ Marija. Idejn miftuħa huma sinjal ta’ min jilqa’, ta’ min jafda, ta’ min jagħti.

Lill‑arkanġlu Gabriel, meta ġie jagħtiha l‑ikbar Aħbar, Marija qaltlu: “Ara jiena l‑qaddejja tal‑Mulej; ikun minni skont kelmtek!” Hija laqgħet b’idejn miftuħa l‑istedina tal‑Mulej, ukoll jekk ma fehmitx kollox b’mod ċar. Kif qalet Eliżabetta: “Hienja dik  li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min‑naħa tal‑Mulej” (Lq 1:45). L‑idejn miftuħa juru qalb miftuħa. Hawnhekk għandna messaġġ importanti: li bħal Marija, idejna u qalbna jkunu miftuħa, lesti biex nilqgħu dak li Alla jitlob minna, bl‑istess fiduċja ta’ Marija.

“L‑idejn miftuħa ta’ Marija juruna wkoll kif hija laqgħet fil‑ġuf tagħha lil Ġesù. Eliżabetta tgħidilha: “Imbierek il‑frott tal‑ġuf tiegħek”. Il‑ġuf għandu jkun l‑ewwel dar tal‑bniedem, fejn ikun milqugħ. Kemm hi sabiħa l‑ħajja ġdida li Alla jafda f’idejn omm u missier! U kemm għandna bżonn bħala soċjetà noħolqu kundizzjonijiet fejn kull omm, speċjalment dik li tinsab f’sitwazzjoni diffiċli, tkun tista’ tħares lejn it‑tarbija li qed iġġorr mhux bħala piż, imma bħala ħajja li jistħoqqilha mħabba, għajnuna u protezzjoni, li tkun milqugħa bil‑qalb,” kompla jipriedka L-Isqof Joseph Galea-Curmi.

Quddiem folla kbira ta’ Nsara, l-isqof stqarr li għax il‑ħajja tat‑tarbija u d‑dinjità tal‑omm ma jikkompetux kontra xulxin. Irridu nkunu komunità bl‑idejn miftuħa għat‑tnejn li huma, komunità li tilqa’ bħal Marija – li tilqa’ lit‑tarbija bħala ħajja umana ġdida, u li tilqa’ lill‑omm, u li tgħid lill‑omm li tkun tinsab f’diffikultà: M’intix waħdek. Aħna miegħek. Aħna idejna miftuħa biex nilqgħuk.

“L‑idejn miftuħa ta’ Marija jfakkruna kemm hu importanti li nkunu Knisja li tilqa’. Fi kliem il‑Papa Franġisku fl‑Eżortazzjoni tiegħu fuq il‑ferħ tal‑Evanġelju: Il‑Knisja għandha tkun post “fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il‑ħajja tajba tal‑Evanġelju”. 

“L‑idejn miftuħa ta’ Marija jfakkruna wkoll fil‑qalb miftuħa tagħha għal kulħadd, speċjalment dawk l‑aktar vulnerabbli. Ifakkruna f’ħajjiet li jeħtieġu l‑protezzjoni tagħna. L‑idejn tal‑anzjan jew anzjana li jirtogħdu, l‑idejn ta’ morda li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, l‑idejn ta’ min jinsab waħdu, ta’ min għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali, ta’ min min jinsab fl‑aħħar fażi ta’ ħajtu,” tenna l-Isqof Awżiljarjunhar Santa Marija.Il‑messaġġ tal‑Assunta b’idejha miftuħa hu ċar: kull ħajja hija għażiża. Ebda ħajja mhi għall‑iskart. Ebda bniedem mhu żejjed. Ebda persuna ma titlef id‑dinjità tagħha għax tinsab dgħajfa. Min qata’ qalbu mill‑ħajja jrid isib fina l‑idejn li jerfgħuh mhux l‑idejn li jipperswaduh li aħjar jitlaq. Dan hu l‑messaġġ li tagħtina Marija: li s‑saħħa tas‑soċjetà titkejjel mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.

Is‑saqajn ta’ Marija: mixja fi vjaġġ

Dwar is-saqajn ta’ Marija, li jidhru f’moviment, l-Isqof qal li dawn ifakkruna li l-fidi hija vjaġġ u li l-bniedem għandu jimxi ma’ oħrajn fit-triq tal-ħajja, mingħajr ma jwarrab lil min hu dgħajjef jew iqisu bħala piż.

L-Isqof temm l-omelija tiegħu billi ħeġġeġ lill-komunità sabiex ma tinsiex li d-destin tal-bnedmin mhuwiex il-qabar iżda l-ħajja. “Id-destin tagħna mhuwiex il-qabar. It-tbatija, il-mard, id-dgħufija mhumiex it-tmiem. Għal min jemmen fi Kristu, id-destin tagħna hu l-glorja,” qal l-Isqof.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport