Wednesday, November 20, 2024

Iktar miżuri biex jissaħħaħ il-qari minn età bikrija

Aqra wkoll

“Fil-Budget li għadu kemm ġie ppreżentat fil-Parlament daħħalna miżuri li flimkien ma’ miżuri oħrajn li hemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, huma maħsuba biex insaħħu l-qari fost l-istudenti tagħna. Il-qari huwa l-bażi ta’ edukazzjoni sħiħa u għalhekk il-Ministeru għall-Edukazzjoni huwa kommess li jkompli jsostni inizjattivi u programmi biex jassigura li kull tifel u tifla u fuq livell usa’ kull persuna, ikollha aċċess għal firxa usa’ ta’ kotba tal-qari.”

Qal dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta qassam premji lil studenti fiċ-ċerimonja tal-Promoturi tal-Qari.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ilha torganizza ċ-ċerimonja tal-Promoturi tal-Qari/Reading Champions mis-sena 2016 u s’issa b’kollox, minn meta bdiet din l-inizjattiva, ġew ippremjati 826 student/a ta’ bejn il-11 u t-13-il sena. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li jingħata rikonoxximent mhux biss lil dawk l-istudenti li jħobbu jaqraw imma wkoll lill-istudenti li tul is-sena skolastika jimpenjaw ruħhom biex jitgħallmu jaqraw jew itejbu l-ħila tal-qari u l-fehim tagħhom.

L-istudenti tas-seba’ sena jiġu nnominati mill-iskejjel medji ta’ kull settur, stat, knisja u indipendenti, u din is-sena 32 skola għażlu ċ-Champions tagħhom u ġew ippremjati 96 student/a.

Il-Ministru Clifton Grima fakkar fiż-żewġ miżuri mħabbra fil-Budget li jindirizzaw il-qari. Għal dawk it-tfal li l-familji tagħhom jaqgħu taħt Skema 9 li jammontaw għal madwar 2,500, il-gvern se jipprovdilhom Librerija fid-Dar b’valur ta’ €150. Miżura oħra hija għotja biex jinxtraw kotba għat-tfal – €20 lil kull student fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji biex jintefqu f’kotba fil-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb.

“Żewġ miżuri li fihom qed ninvestu €1 miljun u qed nagħmlu dan biex nikkumplimentaw il-programmi eżistenti li jinkoraġġixxu l-qari, intejbu l-litteriżmu u nkomplu nkunu ta’ spalla għall-pubblikaturi Maltin,” qal il-Ministru Grima.

Huwa enfasizza wkoll li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni għandha wkoll miżuri oħrajn li jindirizzaw il-litteriżmu. Il-mira hija li sal-2030, il-Ministeru jkompli jaħdem biex jonqos il-persentaġġ ta’ studenti ta’ 15-il sena b’kisbiet baxxi fil-qari. L-Istrateġija taħseb ukoll għal tqassim ta’ kotba skont l-età lil kull dar, b’attivitajiet li jsegwu dan it-tqassim biex irawmu impenn akbar. Apparti dawn, taħseb ukoll għal żieda inkrimentali fil-ħin tal-qari matul is-snin bikrija.

“Se naraw ukoll il-provvediment ta’ programm ta’ rimonta tal-qari biex jilħaq lill-istudenti kollha li qed jesperjenzaw diffikultajiet fil-litteriżmu, kif ukoll introduzzjoni tal-programm Rimonta tal-Qari fil-lingwa Maltija,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima faħħar lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu għax-xogħol impenjattiv f’dan is-settur, anki permezz ta’ diversi inizjattivi u programmi li għaddejjin biex trawwem l-imħabba għall-qari fost l-istudenti, fosthom: il-programmi Aqra d-Dar, Seħer l-Istejjer u l-Brillantini tal-Qari u l-Kitba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport