Il-Baġit li se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija 

– Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Baġit għas-sena 2027 se jkun qed ikompli jsaħħaħ l-ekonomija Maltija, filwaqt li jipprovdi aktar serħan finanzjarju lill-familji, jinkoraġġixxi l-investiment u jħeġġeġ lin-negozji jinvestu aktar fil-ħaddiema u fit-teknoloġija.

Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela f’artiklu ta’ opinjoni ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta The Times of Malta.

Abela spjega li, f’mument meta diversi pajjiżi Ewropej qed jirrikorru għal miżuri ta’ awsterità, Malta qed iżżomm politika li tipprovdi stabbiltà lill-familji u lin-negozji, filwaqt li tkompli tinvesti fil-futur ekonomiku tal-pajjiż.

Fost il-punti ewlenin tal-Baġit 2027, il-Prim Ministru enfasizza tliet ċifri importanti: €400 miljun f’sussidji fuq l-enerġija, €500 miljun li se jibqgħu f’idejn il-familji permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi u riformi, kif ukoll investiment kapitali rekord ta’ €1.5 biljun.

Skont Abela, dawn il-miżuri se jkomplu jagħtu spinta lill-ekonomija, filwaqt li l-Gvern qed jimmira li jnaqqas id-defiċit għal 2.6%.

Il-Prim Ministru ddeskriva l-Baġit 2027 bħala wieħed li jimmarka direzzjoni ġdida għall-pajjiż, peress li huwa l-ewwel baġit imfassal wara t-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa qal li din l-istrateġija tagħti aktar importanza lit-titjib fil-produttività u lit-trasformazzjoni tal-ekonomija Maltija.

Fost il-miżuri mħabbra hemm ukoll it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiva għall-intrapriżi żgħar u medji, minn 35% għal 25%. Din il-bidla mistennija tħalli madwar €40 miljun addizzjonali f’idejn in-negozji.

Abela enfasizza wkoll li l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema, fl-innovazzjoni teknoloġika u fid-diġitalizzazzjoni se jkun kruċjali għat-tkabbir ekonomiku fil-futur. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed jinkoraġġixxi lill-kumpaniji jżidu l-investiment fir-riżorsi umani tagħhom u jnaqqsu d-dipendenza fuq ir-reklutaġġ kontinwu ta’ ħaddiema barranin.

Huwa rrefera wkoll għall-bidliet li qed isiru fil-politika tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, fejn sostna li dawn diġà qed jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-flussi migratorji netti. Il-miżuri l-ġodda għandhom ukoll l-għan li jħeġġu lin-negozji jżommu l-ħaddiema li diġà għandhom magħhom u jinvestu aktar fl-iżvilupp tagħhom.

Punt ieħor li ġie enfasizzat kien l-investiment fl-infrastruttura, b’enfasi partikolari fuq l-enerġija, l-ambjent u t-trasformazzjoni diġitali. Il-Prim Ministru nnota li l-allokazzjoni kapitali għas-sena d-dieħla għall-Ministeru responsabbli mill-enerġija u l-ambjent se tkun akbar mill-investiment pubbliku kollu li kien isir fl-2012.

Fl-aħħar nett, Abela esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-mudell ekonomiku li qed jiġi żviluppat se jwassal lil Malta għal fażi ġdida ta’ prosperità. Huwa sostna li l-għan ewlieni jibqa’ li t-tkabbir ekonomiku jissarraf f’kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport