Hekk kif is-sħana tas-sajf bdiet tinħass sew, u għalhekk ħafna persuni bdew imorru ħdejn il-bajjiet, ta’ min minn dawn il-kolonni nressqu appell sinċier lill-pubbliku.
Minkejja li l-baħar hu sabiħ xorta waħda ħadd m’għandu jabbuża u jiċċajta miegħu. Il-Gvern qiegħed jinvesti fis-sigurtà fuq il-bajjiet hekk kif ħafna minnhom illum il-ġurnata għandhom l-għassiesa tas-sigurtà. F’Malta nsibu għassiesa li huma membri tas-Salib l-Aħmar u f’Għawdex insibu dawk tal-Emergency Response Rescue Corps.
Minkejja dan xorta waħda għandu jiġi nnotat li fl-aħħar tliet ijiem biss dawn l-għassiesa assistew numru ta’ persuni. Insemmu ż-żewġ persuni li ġew salvati mir-Ramla l-Ħamra. Minkejja li l-għassiesa kellhom żewġ bnadar ħomor li jfisser li l-bajja hija magħluqa għall-għawm, dawn iż-żewġ persuni xorta niżlu fil-baħar bil-konsegwenza li bdew jinġarru l-kurrent.
Imbagħad kellna l-każ taż-Żurrieq fejn ħames għaddasa wkoll sabu ruħhom f’diffikultajiet. Kien grazzi għal għassiesa tas-Salib l-Aħmar li informaw lill-awtoritajiet biex imorru jgħinu lill-għaddasa involuti.
Hawn ma nistgħux ma ninnutawx li skont ma ġie rrapportat, f’ġurnata waħda biss, il-Malta Red Cross irrispondiet għal 200 talba għall-għajnuna mal-baħar.
Nemmnu f’sens ċiviku minn kulħadd u b’dan il-mod jiġu segwiti r-regolamenti u b’hekk nevitaw ħafna mill-inċidenti li jistgħu jseħħu bi traskuraġni. Iżda sfortunatament xorta waħda għadna naraw anke filmati fuq il-midja soċjali li juru persuni jaqbżu minn postijiet perikolużi bil-konsegwenza li jistgħu jweġġgħu.
Għaldaqstant minkejja li kulħadd għandu d-dritt li jgawdi x-xtajtiet, jeżisti wkoll l-obbligu li nipproteġu lilna nfusna u lil xulxin. Jeħtieġ aktar attenzjoni biex l-inċidenti jonqsu kemm jista’ jkun.
L-appell tagħna hu wieħed… Qatt tiċċajta mal-baħar… il-baħar żaqqu ratba, iżda rasu iebsa.



