B’referenza għar-rapport li ċeda ħajt fit-Telgħa tax-Xemxija, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jikkonfermaw li huma kienu preżenti minnufih fuq il-post.
Minn investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li ħadd ma weġġa wara li trakk li kien qed iġorr makkinarju laqat ħajt. Il-materjal imġarraf tneħħa immedjatament minn fuq il-bankina. Minkejja li rriżulta li ma hemm l-ebda periklu imminenti, l-awtoritajiet jikkonfermaw ukoll li ħarġu ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet kollha minnufih għajr dawk rimedjali bħala miżura ta’ prekawzjoni fosthom, il-ħajt li jifred is-sit mill-proprjetajiet tat-terzi.
L-Awtoritajiet ifakkru li kull rapport relatat ma’ siti ta’ kostruzzjoni jew ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà għandu jsir permezz tal-linja 138, sabiex l-Awtoritajiet ikunu jistgħu jiġu mgħarrfa u jinvestigaw tali każijiet b’mod immedjat.



