Il-Bajja ta’ San Ġorġ se tkun iċ-ċentru ta’ lejla mimlija divertiment, mużika u attivitajiet għall-familja waqt il-Beach Fest 2026, li se jsir nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju bejn is-6:00pm u l-11:00pm.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, u mill-Ministru għat-Turiżmu, Jo Etienne Abela. Il-Beach Fest 2026 huwa organizzat b’mod konġunt mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni li saret is-sena li għaddiet, l-avveniment qed jerġa’ jiġi organizzat bil-għan li jlaqqa’ flimkien il-komunità u t-turisti f’attività li tgħaqqad id-divertiment mal-edukazzjoni, il-kultura u l-għarfien dwar il-ħarsien tal-ambjent, filwaqt li tkompli tippromwovi l-Bajja ta’ San Ġorġ bħala destinazzjoni ta’ kwalità.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-Beach Fest huwa eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tista’ twassal għal inizjattivi li jagħtu ħajja lill-ispazji pubbliċi u jsaħħu l-komunitajiet. “Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw l-entitajiet pubbliċi u l-kunsilli lokali jaħdmu id f’id biex jorganizzaw attività li mhux biss toffri divertiment ta’ kwalità, iżda wkoll tippromwovi l-edukazzjoni, is-sostenibbiltà u sens akbar ta’ appartenenza lejn il-lokalità,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Jo Etienne Abela qal li “l-Beach Fest huwa eżempju ta’ kif irridu nkomplu noħolqu esperjenzi ta’ kwalità li jsaħħu l-prodott turistiku tagħna filwaqt li jibbenefikaw ukoll il-komunitajiet lokali. Avvenimenti bħal dan jagħtu valur miżjud lid-destinazzjonijiet tagħna billi joffru spazji fejn il-familji, ir-residenti u t-turisti jistgħu jiltaqgħu flimkien f’ambjent sigur, nadif u animat. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed nippromwovu s-sostenibbiltà, l-edukazzjoni ambjentali u l-kultura. Dan jgħin biex inkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni li toffri esperjenzi awtentiċi u ta’ kwalità matul is-sena kollha.”
Tkellem ukoll is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli, li spjega li l-Beach Fest huwa mfassal biex joffri esperjenza divertenti għal kull età, filwaqt li jiċċelebra l-Bajja ta’ San Ġorġ bħala destinazzjoni unika u prestiġjuża. Huwa rringrazzja wkoll lill-Gvern għas-sostenn, li permezz tiegħu qed ikun possibbli li tittella’ attività ta’ din ix-xorta.
Din hija l-unika bajja f’Malta li tgawdi kemm iċ-ċertifikazzjoni internazzjonali Blue Flag, amministrata mill- Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kif ukoll l-akkreditazzjoni Purple Flag tar-Renju Unit, ikkoordinata mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi bil-kollaborazzjoni tal-Paceville Town Centre Management.
Matul il-lejla, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn programm varjat li jgħaqqad l-edukazzjoni, il-kultura, il-kuxjenza ambjentali u d-divertiment. Fost l-attivitajiet se jkun hemm dimostrazzjonijiet u tagħrif dwar l-ewwel għajnuna, għarfien dwar il-ħajja fil-baħar u s-sostenibbiltà ambjentali, stands ta’ esebituri fosthom l-EcoMarket, wirja ta’ karozzi, spazji għall-arti u face painting bla ħlas għat-tfal.
Il-programm artistiku se jinkludi wkoll wirjiet live minn Tikka Banda, Owen Leuellen, Dawn Desira, Amelia, Kaya Gurmi, The Subdominants Big Band, Victoria, Kyle George u Justine Shorfid.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi Dennis Vella, u ċ-Chairman tat-Town Centre Management Paceville, Philip Fenech.









