Wednesday, April 24, 2024

Il-Banda Beland tfakkar żewġ anniversarji b’kunċert mużikali

Il-Banda Beland tfakkar il-225 sena minn meta ż-Żejtun ingħata t-titlu ta' Belt Beland u t-80 anniversarju mill-mewt tal-kompożitur Carlo Diacono

Aqra wkoll

Bħala parti mill-attivitajiet b’rabta mal-225 Anniversarju minn meta ż-Żejtun ġie mogħni bit-titlu ta’ ’Citta Beland’ u t-80 sena mill-mewt tal-kompożitur ċelebri Żejtuni s-Surmast Carlo Diacono, is-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun ser tkun qed ittella’ kunċert mużikali speċjali.

Sabiex timmarka dan l-avveniment, il-Banda Beland ser torganizza Kunċert Vokali u Strumentali fil-Knisja Arċimatriċi ta’ Santa Katarina Verġni u Martri, iż-Żejtun, nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru fit-8.00pm. Dan il-kunċert ser ikun taħt il-Patroċinju Distint tal-President ta’ Malta l-E.T. Dr. George Vella.

Il-Banda Beland għandha imħejji programm b’repertorju interessanti li jikkonsisti, b’mod partikolari, b’siltiet mużikali orkestrali kompożizzjoni tal-famuż kompożitur Żejtuni u eks-Surmast tal-istess Banda, Mro Carlo Diacono, fejn fost xogħolijiet mużikali oħra nsibu l-‘Cantico di Frate Sole’, ‘Preghiera alla Beata Vergine Maria’ u ‘O Roma Felix ’ li ġew adattata għall-banda mill-ex Surmast tal-Banda Beland Mro. Ray Sciberras.

Fost is-siltiet preparati għall-okkażjoni, il-Banda Beland ser tinterpreta wkoll l-Premiere tas-silta ‘Palladis Clara Munere’ kompożizzjoni oriġinali tas-Surmast Direttur tal-Banda Beland Mro. Gordon Baldacchino li ġiet komposta propju sabiex tfakkar l-225 sena minn meta ż-Żejtun ġie mogħni bit-titlu ta’ ‘Citta Beland’ mill-Gran Mastru Ferdinand Von Hompesch fl-1797. Waqt dan il-kunċert ser tiġi nterpretata wkoll is-silta ‘Gran Choeur Dialogue’ tal-kompożitur Eugene Gigout fejn jakkumanpanja lill-Banda Beland ser insibu wkoll lil Mro. Joe Caruana fuq l-orgni.

Minbarra l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Banda Beland, f’dan il-kunċert ser jieħdu sehem ukoll, Rosabelle Bianchi (Sopran), Charles Vincenti (Tenur), Alfred Camilleri (Baxx), Ivan Xerri (Baritono) kif ukoll il-Kor ‘Mirabitur’ immexxi minn Mario Attard.

Il-Banda Beland tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Mro Gordon Baldacchino ALCM. Għall-aktar informazzjoni wieħed għandu jagħmel kuntatt mal-organizzaturi fuq [email protected]

Sport