Saturday, November 23, 2024

Il-Banda Kristu Re tirritorna lura għall-kunċerti grandjużi tagħha

Aqra wkoll

Wara xhur sħaħ bil-każin magħluq u xhur sħaħ ta’ miżuri restrittivi minħabba l-pandemija, il-Banda Kristu Re se tirritorna lura għall-kunċerti grandjużi tagħha… din id-darba fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.

Din is-soċjetà qalet li bl-għajnuna u l-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ħarġu bl-idea li ċ-ċelebrazzjioni ta’ Milied f’Casal Paola din is-sena għandhom jieħdu l-forma ta’ Kunċert mill-Banda Kristu Re.  Jekk “Milied f’Casal Paola” hija data fissa fil-kalendarju tar-Raħal, daqstant huwa “De Paule in Concert”

L-aħħar De Paule in Concert li kien sar, kien il-Kunċert Grandjuż fl-10 ta’ Novembru 2019. Dakinhar kienet l-aħħar darba li daqqet il-Banda Kristu Re. B’dan il-mod ħassu li jergħu jitilqu minn fejn ħallew u jtellgħu kunċert ieħor b’tema tal-Milied.

Il-kunċert “DePaule in Concert – Christmas Edition “ ser jkun kunċert kbir bis-sehem mhux biss tal-Banda Kristu Re, iżda ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ kantanti. Se jindaqqu numru ta’ kanzunetti tal-Milied b’arranġamenti għall-banda u b’akkompanjament vokali. L-għan tal-kunċert mhux biss li jerġgħu jvaraw il-Banda, iżda li jagħtu pjaċir u jerġgħu jqajjmu sprtu ferrieħi għall-Milied. Dan se jkun kunċert divertenti u s’intendi is-sorpriżi ma jonqsux.

Il-kunċert se jsir nhar it-Tnejn 13 ta’ Diċembru fis 7.30p.m. fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid quddiem il-Bażilka. Id-dħul huwa b’xejn u n-numru ta’ postijiet huwa limitat.

Sport