Thursday, March 28, 2024

Il-battalja legali bejn Depp u Heard… Min qed jigdeb?

Żewġ atturi famużi li kienu fi żwieġ turbolenti jakkużaw lil xulxin fil-qorti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waħda mill-aktar stejjer li qiegħda tagħmel ħoss u hemm għajdut sfrenat fuqha hija dik tal-battalja legali li għaddejja bħalissa bejn l-atturi Ħolliwudjani Johnny Depp u Amber Heard. Il-midja barranija qiegħda tkopri dan il-każ mill-viċin ħafna u lokalment il-ġlieda bejn Depp u Heard qiegħda tkun segwita b’interess kbir b’mod speċjali fuq YouTube u TikTok. L-opinjoni ta’ min huwa l-vittma fiż-żwieġ li kien hemm bejn dawn iż-żewġ atturi hija maqsuma minħabba li ż-żewġ partijiet qegħdin igiddbu lil xulxin bi provi kontra provi f’każ legali jaħraq li jista’ jiswa lill-parti t-telliefa l-miljuni ta’ Ewro. 

Il-każ beda fl-2018 wara li Amber Heard kitbet fuq il-midja li hija vittma ta’ vjolenza domestika. Is-swaba’ immedjatament ġew ippuntati lejn Johnny Depp b’konsegwenza li dan tilef kuntratti kbar ta’ xogħol minħabba dak li huwa qiegħed isostni li hija diffamazzjoni. Fuq naħa għandek il-wiċċ anġeliku ta’ Heard li tħossha u tagħmilha tal-vittma f’dak li huwa minnha deskritt bħala żwieġ mimli vjolenza b’abbuż ta’ sustanzi esaġerati mill-eks raġel tagħha u fuq in-naħa l-oħra Depp qiegħed joħroġ ta’ eroj għax bħala raġel ammetta li kien huwa vittma ta’ vjolenza minn martu li tbati minn temperament u kundizzjoni fil-personalità tagħha. 

Minn dan kollu, ħafna jinsabu f’salib it-toroq dwar lil min għandhom jemmnu. Min huwa l-giddieb minnhom? Dan l-aħħar jidher li hija Heard u l-attakki fil-konfront tagħha qegħdin dejjem jiżdiedu. Is-sostenn lejn Depp kiber tant li anke gruppi ta’ nisa fuq il-Facebook ta’ kontra l-vjolenza domestika ħarġu pubblikament li huma favur dan ir-raġel. Iżda, x’nafu s’issa dwar dan il-każ?

Dettalji li jvarjaw ħafna skont is-sors…

Johnny Depp qiegħed ifittex għad-danni lill-eks mara tiegħu għal diffamazzjoni fuq artiklu li kitbet f’”The Washington Post” li fih irreferiet għaliha nnfisha bħala “figura pubblika li tirrappreżenta l-vjolenza domestika”. Din il-kawża ta’ diffamazzjoni li qiegħda tinstema’ f’Virginia bejn iż-żewġ atturi issa tinsab fl-aqwa tagħha wara li ilha għal għadd ta’ ġimgħat tinstema’ x-xhieda. 

Il-kawża saret battalja legali pubblika li qiegħda tikxef il-verità dwar ir-relazzjoni li kellhom din il-koppja fejn qishom kelb u qattus jakkużaw lil xulxin fuq vjolenza domestika ripetuta tul iż-żwieġ turbolenti li kellhom.

Rapport fuq “The New York Times” qal li l-ġurija ta’ seba’ persuni fil-qorti ta’ Fairfax County Circuit semgħu xhieda jirrakkontaw dak li raw u dak jafu dwar ir-relazzjoni li kellhom Depp u Heard. L-istorja ta’ mħabba ta’ bejniethom bdiet fuq set ta’ film u spiċċat fi ġlied akkanit u konfrontazzjonijiet fiżiċi b’dettalji li jvarjaw ħafna skont is-sors.

Depp li għandu 58 sena, qiegħed ifittex għad-danni lil Heard, li għandha 36 sena, talli infamatu f’dan il-famuż artiklu fuq “The Washington Post”. Wara aktar minn sena ta’ ġlied legali, Heard reġgħet irrispondiet b’kawża għad-danni oħra lil Depp fejn allegat li hija vittma wkoll ta’ diffamazzjoni wara li l-eks avukat tiegħu ħareġ stqarrijiet li fih iddikjara li l-allegazzjonijiet tagħha kienu foloz.

Ħafna mill-allegazzjonijiet li qegħdin jixxandru fuq il-midja mill-qorti diġà smajnihom fil-każ li nstema’ fir-Renju Unit. L-attur famuż għar-rwol tiegħu fil-film “Pirates of the Carribean” tilef din il-kawża li fiha kien fittex għad-danni lill-ġurnal “The Sun” wara li ppubblikaw artiklu b’titlu li fih sejħulu “wife beater” (raġel li jsawwat lil martu).

Il-ġuri li beda fit-12 ta’ April ta’ din is-sena huwa mistenni li jdum ftit ġimgħat oħħra u sadanittant ix-xhieda huma msejjħa minn Depp. Heard hija mistennija li tippreżenta l-każ tagħha u ssejjaħ ix-xhieda fi tmiem din il-ġimgħa.

Sawwatni… Le! Kienet hija li sawtitni

Johnny Depp fetaħ il-kawża għad-danni fl-2019 wara li fl-2018 kien ippubblikat artiklu miktub minn Heard intitolat “Tkellimt kontra l-vjolenza sesswali u qiegħda niffaċċja l-konsegwenzi koroh tal-kultura tagħna. Dan hemm bżonn li jinbidel”. Dan l-artiklu ma fih jsemmix espliċiment Depp, fih Heard kitbet li sentejn qabel il-pubblikazzjoni tal-artiklu hija saret “figura pubblika li tirrappreżenta l-abbuż domestiku”.

Fl-2016 qorti f’Kalifornja tat ordni ta’ protezzjoni temporanja lil Heard wara li din daħlet b’wiċċ mimli tbenġil u fl-affidavit tagħha qalet li Johnny Depp, mill-viċin, tefagħlha telefon f’wiċċha, allegazzjoni li l-attur jiċħad kategorikament. Fl-applikazzjoni għall-ordni ta’ protezzjoni Heard kitbet li tul ir-relazzjoni tagħhom Depp kien jabbuża minnha verbalment u fiżikament fejn tat dettalji ta’ inċident li fih qabadha minn xagħarha u tefa’ b’mod vjolenti ħafna mal-art. Depp min-naħa tiegħu f’dokumenti li ppreżenta l-qorti qal li din kienet gidba u li kienet hija li f’dak il-lejl tatu daqqa ta’ ponn f’wiċċu. 

Fil-kawża għad-danni ta’ Depp, l-attur saħaq li l-allegazzjonijiet ta’ abbuż minn Heard huma gideb li sewlu l-karriera u r-reputazzjoni tiegħu. Fil-fatt l-avukat tiegħu qal li, “is-Sur Depp qiegħed jieħu dawn il-passi legali bil-għan li jnaddaf ir-reputazzjoni tiegħu”.

Heard min-naħa tagħha wkoll issostni li din is-sitwazzjoni swietha qares għall-karriera tagħha. Minħabba li hija ħarġet pubblikament kontra l-vjolenza domestika kien hemm min fl-industrija li allegatament qalilha li mhiex se tingħata kuntratti ta’ xogħol aktar. Hija kitbet li, “qiegħda nara kif l-istituzzjonijiet jipproteġu rġiel akkużati b’abbuż”. L-attriċi hija ambaxxatriċi tad-drittijiet tan-nisa mal-Unjin għal-Libertajiet Ċivili Amerikani (A.C.L.U) u kienet proprju din il-unjin li talbitha tikteb l-artiklu li qala’ tant inwkiet.

L-istess ġurija qiegħda tikkonsidra l-kawża għad-danni b’risposta lura minn Heard kontra Depp. Rigward il-każ preċedenti, imħallef sab li kien hemm provi biżżejjed li Depp, għal diversi drabi, attakka lil Heard fil-perjodu li kienu miżżewġin b’konsegwenza li “l-mara kienet qiegħed tibża’ għal ħajjitha”.

Iż-żewġ verżjonijiet fil-qosor

Johnny Depp

  • F’ħajti qatt ma sawwat lil Heard jew lil xi mara oħra;
  • L-agressur fir-relazzjoni kienet Heard;
  • Heard tibda ġlied aħrax b’tgħajjir li ħafna drabi jeskala fi vjolenza;
  • Tagħtini daqqiet ta’ ħarta, timbottatni, tefgħetli remote control u tazza nbid f’wiċċi;
  • Fl-inċident tal-2015 fl-Awstralja Heard irrabjat u tefgħet flixkun tal-Vodka li tkisser ma’ idi b’konsegwenza li qatagħli s-subgħa tan-nofs… litteralment rajt l-għadma barra;
  • Kien hemm ħmieġ uman fuq in-naħa tas-sodda tiegħi wara li tlaqt minħabba ġlieda;
  • Fetħet il-bieb tal-kamra tal-banju fuq rasi meta nżilt niċċekkja jekk weġgħetx subgħa minn saqajha;
  • Kienet tagħtini bil-ponn f’wiċċi u qaltli li kienet biss qiegħda ssawwatni;
  • Irrovinatli ħajti għax ħassruli l-kuntratti ta’ xogħol kollha;
  • Qaltli li ħadd m’huwa se jemminni li kont vittma ta’ vjolenza domestika għax jien Johnny Depp u għax jien raġel ta’ karnaġġjun bajda;

Amber Heard

  • Heddidni li jista’ joqtolni;
  • Għamilli tbengil f’wiċċi u hemm xhieda li rawni mweġġa’;
  • Jixrob esaġerat u jieħu l-kokaina tant li qisu dejjem mitluf
  • Meta ma jixrobx huwa l-aħjar raġel;
  • Imbottani mal-ħitan b’idu fuq għonqi;
  • Tani daqqa wara l-oħra ta’ ponn f’rasi;
  • Attakkani u abbużani sesswalment;
  • Ikisser l-affarijiet meta jirrabbja;
  • Daħħali flixkun fil-parti tiegħi u ma nafx kienx imkisser;
  • Qal li jien tal-mistħija u għajjarni bl-ikrah;
  • Kien ifittixli biex jara jekk isibx li qiegħda naħbi l-kokaina.
Ekonomija

Sport