Il-Bank of Valletta huwa l-Imsieħeb Uffiċjali ta’ Special Olympics Malta għal-Logħob Nazzjonali tal-2024 li se jsir f’Malta bejn it-12 u l-15 ta’ Settembru 2024.
Il-Logħob Nazzjonali se jara ‘l fuq minn 600 atleta b’diżabbiltà intellettwali minn Malta, mill-Montenegro, mill-Emirati Għarab Magħquda u minn Ċipru jikkompetu f’ħames dixxiplini sportivi bit-tema tal-Logħob tkun ‘Iċ-Champion Ġewwa Fina.’
Special Olympics huwa moviment globali li jindirizza l-istigma, l-iżolament u l-inġustizzja li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni b’diżabilità intellettwali permezz tal-qawwa trasformattiva u l-ferħ tal-isport.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta ltaqa’ mal-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela u Anna Calleja, Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta biex iħabbru s-sħubija tal-Bank ma’ dan l-avveniment prestiġjuż.
‘Bħala organizzazzjoni inklussiva b’aktar minn 2,000 impjegat minn kull qasam tal-ħajja, aħna l-Bank of Valletta kburin li għandna atleti tal-Ispecial Olympics li nsejħulhom kollegi u ħbieb,’ qal is-Sur Agius. ‘L-appoġġ tagħna għal dan l-avveniment imur lil hinn mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji hekk kif qegħdin nikkollaboraw ma’ Special Olympics Malta biex nippromwovu l-inklussività u l-impenn tal-komunità.’
‘Ninsabu kuntenti ħafna li naraw li dan l-avveniment imur lil hinn mill-aspett kompetittiv u jagħmel enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tas-saħħa tal-atleti tiegħu permezz ta’ screening tas-saħħa u inizjattivi edukattivi li huma inkorporati fil-programm tal-avveniment,’ kompla s-Sur Agius. ‘L-appoġġ għal dan l-avveniment jifforma parti mill-impenn tal-BOV bħala ċittadin tal-Komunità Maltija u aħna kburin li nkunu assoċjati ma’ dan l-avveniment fis-sena fejn qed niċċelebraw 50 sena minn meta ftaħna l-bibien tagħna għall-ewwel darba.’
‘L-għażla ta’ ‘Iċ-Champion Ġewwa Fina’ bħala t-tema ta’ dawn il-logħob ġejja mill-impenn tagħna li kull atleta huwa rebbieħ u jifforma parti minn tim wieħed li l-għan tiegħu huwa li jipparteċipa flimkien u jaqsam is-suċċessi ta’ xulxin,’ qalet Dr Abela. ‘Nixtiequ nuru l-gratitudni lejn il-Bank of Valletta talli ssieħeb ma’ Special Olympics Malta f’dan l-avveniment u nħarsu ‘l quddiem biex insaħħu din ir-rellazzjoni fil-ġejjieni.
L-atleti se jkunu qed jipparteċipaw f’5 dixxiplini sportivi, bocce, għawm, table tennis, atletika u futbol u l-avvenimenti kollha se jsiru fil-kumplessi ta’ SportMalta fil-Kottonera u l-Marsa.