Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ mini-kunċerti, il-Bank huwa b’sodisfazzjon jħabbar it-tielet kunċert mtella’ mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dan il-kunċert se jsir nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Lulju 2024 fil-Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata tal-Madonna f’Ħal Tarxien fis-19.00.
Dan l-avveniment speċjali huwa parti miċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-Bank, u kulħadd huwa mistieden jattendi, mingħajr ħlas. Il-postijiet bilqiegħda huma disponibbli fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel. Il-kwartett tal-kordi se jkollu repertorju minn kompożituri rinomati, ewlenin fosthom Mro Charles Camilleri, Mro Joseph Vella, u Wolfgang Amadeus Mozart rispettivament. Dawn il-kompożizzjonijiet mill-aqwa se joffru taħlita ta’ wirt kulturali Malti u kapolavuri klassiċi, u jwiegħdu esperjenza memorabbli għal dawk kollha li jattendu.
Il-kunċert se jsir fil-Knisja Parrokkjali storika ta’ Ħal Tarxien. Dan l-aħħar il-Knisja kixfet l-artal titulari tal-Lunzjata li għadu kif ġie restawrat, aktarx waħda mill-ifjen biċċiet ta’ Pietro Gagliardi li għandna fil-gżejjer tagħna. Dan il-proġett ta’ konservazzjoni estensiv sar minn PrevArti, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Fil-fatt, minbarra l-prestazzjoni mużikali, l-avveniment se jinkludi taħdita qasira minn PrevArti, l-ispeċjalisti tar-restawr li ġew fdati b’dan il-proġett. L-għarfien tagħhom se jipprovdi lil dawk li attendew fehim aktar profond tax-xogħol metikoluż involut fil-preservazzjoni tax-xogħol artistiku għażiż tal-Knisja, inkluż il-pittura titulari massiva.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li ntellgħu dan it-tielet mini-kunċert f’din is-sensiela ta’ avvenimenti f’post tant mill-isbaħ bħall-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien,” sostna Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank. “Dan l-avveniment mhux biss jiċċelebra l-50 anniversarju tal-Bank iżda jenfasizza wkoll l-impenn tagħna li nappoġġaw l-arti u l-wirt kulturali tal-komunità tagħna. Nistiednu lil kulħadd jingħaqad magħna għal serata ta’ mużika sabiħa u diskussjoni interessanti.”
Dawn il-mini-kunċerti kienu l-pedament taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tal-Bank, li ġabu mużika klassika f’diversi postijiet tal-komunità u trawwem apprezzament aktar profond għall-arti. Dan il-kunċert mistenni joffril serata indimentikabbli, li jgħaqqad il-melodiji sinjuri tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta mal-isfond tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien.