L-Asoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku (ASA), b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta (BOV), nediet uffiċjalment l-Akkademja BOV tal-Water Polo għall-Bniet, inizjattiva ġdida maħsuba biex tinkoraġġixxi aktar bniet jipprattikaw il-water polo u biex jissaħħaħ il-futur ta’ dan l-isport f’Malta.
L-Akkademja tirrifletti l-impenn tal-ASA li tintroduċi aktar bniet għall-water polo filwaqt li hija opportunità inklużiva u organizzata b’mod professjonali li permezz tagħha jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet, il-kunfidenza u l-ambizzjoni tagħhom. L-għan huwa li jitneħħew l-ostakli finanzjarji u amministrattivi, jiġi pprovdut taħriġ matul is-sena kollha taħt il-gwida tal-istaff tekniku tat-tim nazzjonali, u jingħataw opportunitajiet biex jikkompetu kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali.
“L-Akkademja tal-Water Polo għall-Bniet tirrappreżenta investiment sinifikanti u fit-tul fil-futur tal-water polo femminili f’Malta,” qal Karl Izzo, President tal-ASA. “Aħna nemmnu bis-sħiħ li t-talent għandu jiġi identifikat, żviluppat u sostnut minn età bikrija. L-għan tagħna huwa li naraw lil dawn il-bniet javvanzaw fl-isport, isiru membri attivi tal-klabbs tagħna u, fl-aħħar mill-aħħar, ikollhom l-opportunità jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali.”
Waqt it-tnedija, Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, qal, “Fil-Bank, u permezz tal-Fondazzjoni BOV, aħna impenjati li noħolqu opportunitajiet siewja għaż-żgħażagħ u ninkoraġġixxu parteċipazzjoni aktar wiesgħa fl-isport. Aħna kburin li qed nappoġġjaw l-Akkademja BOV tal-Water Polo għall-Bniet, għaliex din tagħtihom l-opportunità jiskopru l-potenzjal , isaħħu l-kunfidenza u jsegwu l-ambizzjonijiet sportivi tagħhom. Investiment fiż-żgħażagħ tal-lum huwa investiment fil-futur tal-komunitajiet tagħna.” Huwa żied jgħid li l-Akkademja hija eżempju ċar ta’ kif il-Bank qed jgħin lil aktar persuni jsegwu u jilħqu l-aspirazzjonijiet sportivi tagħhom.

Maħsuba għal bniet ta’ bejn id-9 u t-12-il sena, l-Akkademja se toffri ambjent divertenti, sigur u ta’ sostenn fejn il-parteċipanti jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jkabbru l-passjoni tagħhom għall-water polo. Is-sessjonijiet se jitmexxew minn kowċis kwalifikati taħt il-gwida tal-Head Coach Aurélien Cousin, megħjun minn Anthony Farrugia, li huma wkoll il-Head Coach u l-Assistant Coach tat-Timijiet Nazzjonali tan-Nisa.
Bħala parti minn programm usa’ maħsub biex iżid il-parteċipazzjoni tal-bniet fil-water polo f’ Malta, din l-inizjattiva se tinkludi għaxar sessjonijiet ta’ introduzzjoni bla ħlas fl-iskejjel. Dawn is-sessjonijiet se jservu biex jintroduċu l-isport lil udjenzi ġodda u jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ talent emerġenti.
Fid-dawl li Malta bħalissa qed tiffaċċja nuqqas ta’ plejers nisa fil-water polo, l-Akkademja ġiet imfassla apposta biex tħeġġeġ aktar bniet jipprattikaw dan l-isport. Il-parteċipanti li juru impenn u potenzjal se jiġu mistiedna jingħaqdu mal-Akkademja, fejn se jibbenefikaw minn sessjonijiet ta’ taħriġ bla ħlas darbtejn fil-ġimgħa matul is-sena, irrispettivament minn jekk humiex irreġistrati ma’ klabb lokali jew le.
Il-programm huwa mibni fuq pjan ta’ żvilupp strutturat fuq medda ta’ erba’ snin, li joffri opportunitajiet lill-parteċipanti biex jikkompetu kemm fil-kampjonati lokali kif ukoll f’tournaments internazzjonali.




